Il-Pulizija Ġermaniża għaddejja bit-tfittxija għall-persuna li wettqet l-attakk fis-suq tal-Milied f’Berlin. Il-Pulizija ħelset is-suspettat ewlieni wara li qalet li ma kelliex evidenza biżżejjed. Dwar dan fuq il-programm PJAZZA tkellem Joseph Armani li kien qed jgħix Berlin fl-aħħar erba’ snin u li kien f’lukanda ftit metri ‘l bogħod minn fejn sar dan l-attakk terroristiku.
Huwa qal li l-Maltin li niżlu minn fuq l-ajruplan miegħu, fil-maġġoranza tagħhom, kellhom il-lukanda tagħhom f’din iż-żona, u ma setgħax jonqos li fi żmien il-Milied jżuru dawn is-swieq magħrufin għat-tiżjin u l-atmosfera. Il-Malti spjega ukoll li fl-aħħar jiem ra żieda fin-numru ta’ Pulizija li kienu f’din iż-żona, iżda wieħed jibda jaħseb li din forsi saret normalitá.
Il-Pulizija Ġermaniża qalet li jista jkun hemm iktar minn suspettat wieħed li qegħdin mas-saqajn possibilment armati. Għalhekk is-sigurtà f’Berlin żdiedet. L-Istat Iżlamiku refa’ responsabilità tal-attakk qal li militant minn tiegħu kien il-moħħ warajh. Madanakollu ma ressaq ebda tip ta’ evidenza. Is-suspettat ewlieni ċaħad li ma kellu ebda konnessjoni mal-attakk.
Il-Pulizija qalet li ma kien hemm ebda ħjiel forensiku fuq il-vettura u esprimiet dubji dwar l-involviment tal-ġuvni eżattament wara l-arrest.