Iż-żjara tal-Papa f’Malta se ssir fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa mal-Papa fil-Vatikan.
Iż-żjara tal-Papa kienet ġiet posposta s-sena l-oħra, minħabba l-imxija.
Papa Franġisku se jkun t-tielet Papa li se jżur pajjiżna wara darbtejn b’mod uffiċjali mill-Papa Ġwanni Pawlu II u darba mill-Papa Benedittu XVI.
F’udjenza privata l-Prim Ministru u l-Kap tal-Knisja Kattolika tkellmu fuq diversi temi oħra apparti ż-żjara tal-Papa, fosthom l-immigrazzjoni u t-tibdil fil-klima.
Meta l-Prim Ministru Malti u Papa Franġisku tkellmu dwar l-immigrazzjoni, il-Papa kellu kliem ta’ tifħir għal pajjiżna għal mod kif indirizza l-isfidi relatati ma’ din il-kwistjoni.
Il-Papa rrikonoxxa wkoll li pajjiżna ma jistax jaġixxi waħdu u għalhekk għaraf li Malta teħtieġ l-għajnuna biex l-immigrazzjoni tiġi indirizzata.
Dwar l-ambjent, issemmiet l-Enċiklika tal-Papa ‘Laudato Si’.
Il-Qdusija tiegħu rrefera għall-isforz magħqud meħtieġ minn kull pajjiż relatat ma’ din l-isfida globali.
Il-Papa u Dr Robert Abela tkellmu dwar l-inizjattivi ambjentali li qed tagħmel Malta, bit-tema ambjentali se tiġi diskussa waqt il-konferenza tal-Ġnus Magħquda COP 26 fi Glasgow.
Imbagħad il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u binthom Giorgia Mae kellhom laqgħa ma’ Papa Franġisku fil-Vatikan.
Fil-laqgħa, iċ-ċkejkna Giorgia Mae għaddiet ukoll kartolina lill-Papa ffirmata minn sħabha fl-iskola.
Il-Papa u l-Prim Ministru flimkien mal-kumplament tad-delegazzjoni Maltija skambjaw rigali lil xulxin.