Kajetan Poznanski, żagħżugħ Pollakk li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ għalliema żagħżugħa u ġie arrestat ftit tal-ġimgħat wara f’Malta fi Frar li għadda, ġie trasferit miċ-ċentru ta’ dettenzjoni f’Warsaw għal sptar mentali f’Poznan.
Iż-żagħżugħ ta’ 27 sena qed jiġi akkużat li fil-bidu ta’ Frar qatel għalliema fl-appartament tagħha f’Warsaw, b’mod makabru. Il-ġisem tal-mara kien trasportat b’taxi lejn l-appartament taż-żagħżugħ u ngħata n-nar.
L-akkużat ħarab mill-Polonja u kien arrestat f’Malta, l-Belt, ġimagħtejn wara li seħħ id-delitt. Huwa kien estradit lejn pajjiżu mill-Qorti Maltija f’26 ta’ Frar. F’Malta, l-esperti kienu talbu l-Qorti biex isiru iżjed osservazzjonijiet fuq is-saħħa mentali tal-imputat qabel jitressaq quddiem il-Qorti.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed isiru aktar osservazzjonijiet psikoloġiċi minn psikjatri esperti li se jkunu qed jeżaminaw l-istat mentali tal-akkużat qabel jidher quddiem il-Qorti ta’ Polonja.
Fl-ewwel smigħ tal-każ tiegħu din is-sena, ħarġu dettalji dwar dan il-qtil. Huwa spjega li l-għalliema kienet vittma li ma ntagħżlitx bi ħsieb. Huwa qal li din it-Taljana ma kienx jafha qabel. Huwa qatila biex jara jekk il-ħajja uman għandiex aktar valur minn ħajja ta’ ħanżir jew dubbiena.