Il-Malta Enterprise ħabbret skema ġdida li l-għan warajha hu li jinċentiva n-negozji jinvesti f’operat sostenibbli u diġitalizzat.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ġie spjegat li l-iskema bl-isem Smart and Sustainable hija parti mill-pakkett ta’ għajnuna ppreżentat aktar kmieni din is-sena u li jammonta għal totall ta’ €20 miljun.
Fil-fatt waqt din il-konferenza l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega kif għal din l-iskema hemm allokat €5 miljun.
Huwa sostna kif permezz ta’ din l-iskema negozji jew kumpaniji jistgħu jgawdu minn għotja massima ta’ €50,000 għal kull proġett, fejn dawk eliġibbli se jgawdu minn 50% tan-nefqa eliġibbli. Barra minn hekk, dawk eliġibbli għal din l-iskema jista’ jingħatalhom kreditu ta’ taxxa sa €20,000 għal kull proġett li jissodisfa tal-anqas tnejn minn tliet kriterji.
F’każ li l-proġett jissodisfa kriterja waħda, l-assistenza bil-kreditu ta’ taxxa jammonta għal €10,000.
Qal, “Se nkunu qed ninċentivaw ukoll Businesses li huma start ups, inkella proġetti ġodda jew espansjonijiet f’Għawdex jew inkella proġetti oħrajn li se jkunu qegħdin jnaqqqsu l-impatt tal-karbonju fuq l-ambjent b’mod qawwi ħafna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise spjega wkoll li jekk negozji jikkwalifika għal din l-iskema jrid jagħmel l-investiment tiegħu fi żmien sena u jservi tal-inqas 3 snin.
Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli sostniet li din l-iskema qed tħeġġeġ iktar intrapriżi biex jinvestu fi proġetti li jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta’ skart, jiżdied l-użu ta’ materjal sostenibbli, iktar proġetti li jinkludu effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-ilma, kif ukoll issir il-qalba diġitali.
Spjegat, “Irridu li dan il-pajjiż ikompli bl-investimenti tiegħu fis-settur tas-sostenibbiltà u anke fil-qasam diġitali u għalhekk flimkien mal-istakeholders rajna li bġala parti minn dan il-pakkett biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jkomplu jespandu u jekk hemm bżonn jiddiversifikaw, inkunu qed nagħtu għajnuna diretta lil dak l-investiment u dawk il-proġetti li jkunu qed jindirizzaw is-sostenibbiltà u anke d-diġitalizzazzjoni.”