“Il-kuntrattur Glen Farrugia avżani li jekk il-pulizija jistaqsuni x’ġarali, jien ngħidilhom li laqtitni karozza.”
Hekk sostna Jaiteh Lamin, l-immigrant, meta kien qed jixhed b’mod virtwali minn kamra fl-isptar, hekk kif bħalissa jinsab rikoverat.
Lamin allegatament tħalla abbandunat fuq bankina fl-inħawi ta’ Selmun wara li waqa’ minn għoli ta’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni.
B’rabta ma’ dan il-każ hemm mixli l-Qorti, il-kuntrattur J&D Farrugia Contractors, Glen Farrugia.
L-immigrant qal kif huwa wasal f’Malta f’Mejju ta’ din is-sena.
Intqal kif f’nofs Settembru huwa sab xogħol ma’ Farrugia f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Mosta.
Farrugia talbu sabiex inaddaf l-iscaffoldings, bejn is-sitta u nofs ta’ filgħodu sal-ħamsa ta’ wara nofsinhar.
Lamin qal kif Farrugia qatt ma tah ilbies protettiv fosthom safety shoes jew helmets.
Intqal kif huwa kien juża ż-żarbun tiegħu u meta tqattalu, Farrugia tah il-flus iżda imbagħad qatagħhomlu mill-paga tiegħu.
Intqal kif dakinhar tal-inċident huwa kien il-Mosta u Farrugia talbu sabiex jitla’ l-Mellieħa.
Spjega kif f’ħin minnhom kellu bżonn martell u mar jitolbu lill-kollega.
L-inċident seħħ fit-tieni sular, hekk kif rifes scaffolding u waqa’ għal isfel.
Qal kif l-ħaddiem l-ieħor kaxkru għax l-iscaffolding kien qed jaqa’ fuqu u ma setax iqum.
Farrugia qallu biex iċempel hu għall-ambulanza u qallu li ma kienx se jċempel hu għax inkella jispiċċaw kollha l-ħabs.
Il-ħaddiem l-ieħor kien se jċempel hu, iżda Farrugia qal lil dan li kien se jwasslu hu l-isptar.
Huwa spjega li Farrugia tefgħu f’vann u qal li huwa waslu ħdejn roundabout kbira.
Farrugia qal lil Lamin li se jħallih hemm u l-ambulanza ġejja għalih hemm.
Lamin spjega li l-uġigħ kien wieħed li qatt ma ħass qabel u ma setax jiċċaqlaq, waqt li spiċċa waħdu jibki għall-għajnuna f’xemx tiżreġ u fuq art taħraq.
Lamin qal li imbagħad ra żewġ tfajliet u talabhom għall-għajnuna u huma ċemplu għall-ambulanza.
Ix-xhud qal kif huwa mar kontra l-ordnijiet ta’ Farrugia u qal lill-pulizija x’ġara u tahom in-numru tal-mobile tal-imgħallem tiegħu.
Qal kif meta kien l-isptar qalulu li kiser l-għadam f’idu u f’dahru.
Lamin spjega wkoll li għandu żewġt itfal u f’Diċembru li għadda kien twaqqaf mix-xogħol li kellu fl-Italja u kien qed imantni lill-familtu bl-assistenza soċjali tal-Gvern Taljan.
Fuq il-pedana tax-xhieda telgħet Caroline Galea, li hija l-mara li sabet lil Lamin mixħut mal-art fuq il-bankina.
Qalet li hi flimkien ma’ ħabibtha kienu għaddejjin b’karozza mit-triq u waqfu jagħtu l-ewwel għajnuna lil Lamin.
Qalet kif huwa kien qed jibki bl-uġigħ u bdiet iżommlu idejh biex ikun jista’ jieħu n-nifs.
Hija qalet kif ftit wara ġew żewġ pulizija.