Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, iltaqa’ mal-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jiddiskuti l-konklużjonijiet ta’ erba’ rapporti dwar suġġetti kurrenti għal pajjiżna fuq livell lokali u Ewropew.
Ir-rapporti diskussi trattaw l-ekwità, il-produttività u l-innovazzjoni, il-miżuri ta’ rkupru fil-futur qarib u l-istabbiltà fiskali.
Rigward ir-rapport dwar l-ekwità, ingħatat importanza kif din hija pilastru importanti fejn kulħadd għandu jkun parteċipi u inkluż fis-soċjetà.
It-tieni rapport, li tratta l-produzzjoni u l-innovazzjoni fis-snin li ġejjin għamel aċċenn għall-introduzzjoni t’oqsma differenti f’pajjiżna bil-għan li jiġi attirat aktar investiment barrani.
Dan ir-rapport saħansitra rrefera għall-possibiltà li pajjiżna jkun ‘Beta Island’, fejn oqsma diversi jkunu pruvati f’pajjiżna qabel pajjiżi u ibliet akbar.
L-irkupru fl-immedjat wara l-pandemija ukoll kien trattat f’rapport separat filwaqt li dwar l-istabbiltà fiskali ssemma l-ħtieġa li jkun hemm użu adegwat tal-fondi pubbliċi.
Il-Ministru Carmelo Abela qal kif permezz ta’ dawn il-gruppi, il-ħidma tal-MCESD qed tkun waħda proattiva.
Qal, “Permezz ta’ dawn il-gruppi magħmulin propju mill-isħab soċjali bl-għajnuna ta’ riċerkaturi u esperti ħalli b’hekk id-diskussjoni tkun aktar matura. U nibdew ninfluwenza anki dak li jiġri fuq bażi nazzjonali u dak huwa l-iskop li nkomplu nsaħħu id-djalogu soċjali biex b’hekk il-pajjiż ikompli miexi ’l quddiem.”