F’ħidma konġunta bejn il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u d-Dipartiment tad-Dwana, nhar it-Tnejn li għadda, ġiet arrestata tfajla ta’ 25 sena mir-Repubblika Domenikana, mal-wasla tagħha f’Malta, b’titjira diretta minn Madrid, Spanja.
Waqt tfittxija fuq din it-tfajla nstabu 90 kapsula ta’ droga suspettata kokaina fl-ammont ta’ madwar 900 gramma, b’valur fit-triq ta’ kważi €120,000. Hija qiegħda tinżamm fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għall-aktar stħarriġ.
Din hija t-tieni sejba ta’ droga kokaina fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi ftit jiem.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Lara Lanfranco LL.D, fejn ħatret diversi esperti.
Kemm il-Pulizija kif ukoll id-Dipartiment tad-Dwana qed jintensifikaw it-tfittxijiet tagħhom fuq dawn it-titjiriet li ġejjin minn Madrid, anke permezz ta’ klieb imħarġa għal dan l-iskop.
Illum, il-Pulizija ser tressaq lit-tfajla l-Qorti, għal xi l-għaxra ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit LL.D.