Is-sena l-oħra n-numru ta’ nies jaħdmu f’Għawdex laħaq rekord ta’ 14,313.
Dan ġie nnutat mill-Ministeru għal Għawdex, li spjega li din iċ-ċifra tfisser żieda ta’ 530 persuna fuq l-2019.
Tmienja minn kull għaxar persuni li sabu xogħol f’Għawdex bdew jaħdmu full-time mas-settur privat.
Meta dan jitqabbel mal-Għawdxin li kienu jaħdmu f’impjieg full-time mas-settur pubbliku fl-2013 dan naqas min 37% għal 27%.
Ċifra li tixhed kemm mhux minnu l-kliem tal-Oppożizzjoni meta tgħid li l-impjiegi f’Għawdex qed ikunu biss fis-settur pubbliku.
Iż-żieda ta’ 434 full-timer jaħdmu mas-settur privat tikkuntrasta sew ma’ dik fl-2012. Fil-fatt dak iż-żmien kien hemm biss żieda ta’ 98 jew 23% taż-żieda fl-2020.
B’hekk għal kull impjieg li kien kapaċi joħloq is-settur privat Għawdxi fl-2012 fi żmien Gvern Nazzjonalista, fl-2020 l-istess settur ħoloq erba’ impjiegi.
Fost l-aktar setturi li żiedu l-impjiegi f’Għawdex fl-2020 kien hemm dak tas-servizzi professjonali u amministrattivi bi tkabbir ta’ 249 impjieg, tas-servizzi ta’ rikreazzjoni bi tkabbir ta’ 33 impjieg, il-kostruzzjoni bi tkabbir ta’ 35 impjieg, u tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bi tkabbir ta’ 28 impjieg.
Mill-2012 ’l hawn, l-ammont ta’ Għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess żdied bi kważi 4,500 persuna, jew b’46%.
Dawk jaħdmu full-time mas-settur privat żdiedu b’aktar minn 3,600, jew b’75%, li jfisser li, b’mod konsistenti, tmienja minn kull għaxar Għawdxin li bdew jaħdmu f’Għawdex kienu mas-settur privat.
Il-proporzjon ta’ impjiegi ġodda mas-settur privat t’Għawdex żdied minn 58% fl-2012 għal 68%.
Intant kull ġimgħa, mill-bidla fl-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 11-il Għawdxi jaħdem f’Għawdex stess. B’kuntrast, qabel l-2013, kull ġimgħa kien hemm żieda ta’ anqas minn 2.
Il-Ministeru tenna li din hija l-aqwa konferma li l-gvern qed iwettaq il-wegħda ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.