Tliet tenuri Maltin ser jingħaqdu f’kunċert wieħed fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Dan f’kunċert imtella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li ser isir nhar is-Sibt 9 ta’ Ottubru. Iċ-chairman tal-Aġenzija Jason Micallef stqarr kif dan il-kunċert ser jiftaħ programm kulturali għax-xahrejn li ġejjin.
Qal, “Din hija l-ewwel attività jekk tista’ hekk tgħidilha, meqjusa bħala tal-massa organizzata mill-aġenzija kulturali għall-Belt Valletta f’ħafna u ħafna xhur u naturalment kuntenti ħafna wkoll li ħloqna dan il-programm kulturali għal dawn ix-xahrejn li ġejjin taħt it-titlu ta’ Opera in the City u ħa niftħu bil-kbir. Nico Darmanin, Cliff Zammit Stevens u Alan Sciberras li ser ikunu qed jagħtu hawnhekk kunċert mill-isbaħ is-Sibt illi ġej fi Pjazza San Ġorġ bla ħlas għall-pubbliku.”
Il-Ministru għall-kultura José Herrera stqarr li kunċert bħal dan ikompli jżid l-attività kulturali fil-kapitali.
It-tliet tenuri Nico Darmanin, Ciff Zammit Stevens u Alan Sciberras stqarrew kif huwa pożittiv immens li l-biljetti diġà nħatfu kollha.
Spjega, “Ħa nwasslu l-lingwa li hija universali l-mużika b’siltiet mill-isbaħ operistiċi kif ukoll dawk Naplitani, kompożituri tista’ tgħid minn Puccini, sa Verdi, sa Donizetti u nisperaw li l-messaġġ tal-mużika jintlaħaq sew mill-udjenza.”
F’konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza San Ġorġ ma setax jonqos li t-tliet tenuri jagħtu togħma żgħira ta’ dak li ser jisimgħu dawk li ser jattendu.