Il-Gvern nieda l-politika nazzjonali dwar is-suq tax-xogħol li se twassal għall-2030. Din saret wara proċess wiesgħa ħafna ta’ konsultazzjoni ma’ aktar minn 250 sid ta’ negozju u 4,000 ħaddiem. B’hekk, is-setturi kollha f’Malta u Għawdex intlaqtu.
Fi preżentazzjoni l-Ekonomista Stephanie Fabri spjegat li l-ħajja ta’ ħaddiem f’Malta hija ta’ madwar 37 sena, u hija itwal mill-medja Ewropea. Il-politika nazzjonali tat stampa aħjar anke tar-realtajiet fil-pajjiż, fosthom li r-rata ta’ mpjiegi dejjem qed tiżdied. Filfatt hu prevvist li sal-2030 r-rata ta’ impjieg se tiżdied għal 85%.
Il-ħidma li saret waslet għal 40 rakkomandazzjoni, li protagonisti fihom hemm iż-żieda fil-ħiliet tal-ħaddiem, u l-edukazzjoni.
Qalet, “Fost il-proposti hemm li jrid ikun hemm ċensiment tal-ħiliet biex nieħdu ritratt tal-ħiliet f’Malta bħalissa u fejn se nieħdu lil pajjiżna. Naħseb li rridu nibdew minn hemmhekk u la jkollna stampa ta’ fejn irridu mmorru u fejn qegħdin, inkunu nistgħu nibdew nimplimentaw il-miżuri biex ninċentivaw il-ħaddiema u jaslu fl-ekonomija li aħna rridu naslu fiha.”
Biex anke ma jintilfux ħaddiema ta’ esperjenza l-politika nazzjonali qed tipproponi li għal fini ta’ taxxa, id-dħul mix-xogħol u mill-pensjoni fost oħrajn jinżamm separat. Qed ikun propost ukoll li t-taxxa fuq l-overtime tkun ta’ 15% sa massimu ta’ €10,000 biex il-ħaddiem ikun imħeġġeġ jibqa’ mal-istess kumpanija minflok jagħżel li jaħdem part-time.
Ma’ ONE News Dr Fabri spjegat ukoll li l-ħidma kienet ibbażata wkoll fuq tliet pilastri.
Spjegat, “L-ewwel wieħed hu li ninċentivaw lill-intraprenditur biex jinħoloq xogħol aħjar u pagi aħjar. It-tieni li nsaħħu l-istituzzjonijiet tax-xogħol għaliex huma se jħalluna nsaħħu l-postijiet tax-xogħol. It-tielet, bla dubju hi li ninkoraġġixxu l-ħaddiem jiżviluppa l-ħiliet tiegħu biex ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar għalih u għall-familja tiegħu. “
Il-Ministru għax-Xogħol Clyde Carauana spjega wkoll li l-ħaddiema li pparteċipaw fil-konsultazzjoni wrew ix-xewqa li jkunu f’pożizzjoni li jaħdmu b’pagi aħjar.
Qal, “L-isfida li jmiss, u dak li qed jgħidu n-nies hu li jridu jaraw titjib fil-pagi biex jitjieb il-livell t’għajxien tagħhom. Biex nilħqu dan irridu naraw li l-ħaddiema kollha f’kull livell ikollhom aktar ħiliet. Li nidejna llum hu pjan ta’ kif ukoll minn nhar it-Tnejn fil-budget se nibda nħabbar kif se jkun qed jitwettaq biex il-ħaddiema jkollhom aktar ħiliet.”
Dwar l-edukazzjoni u l-importanza li wieħed ikompli bl-istudji tiegħu, il-Ministru nnota kif sa għoxrin sena ilu, madwar nofs l-ammont ta’ studenti li jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC kienu jiksbu madwar sitta minn dawn. Numru li ra biss titjib marġinali llum il-ġurnata, biex jgħodd is-sebgħa u erbgħin fil-mija u numru li ma nistgħux ninjoraw jekk irridu li l-ekonomija tibqa’ tikber.
Hawn qal li jrid ikun l-istudent stess li jirrealizza li għandu jkompli jistudja wara li jagħlaq 16-il sena, għaliex ikun ironiku li Malta toħloq opportunitajiet ġodda u li jħallsu, iżda iben il-ħaddiem ma jkollux aċċess.
Qal, “Xi ħaġa li kont sorpriż dwarha u b’mod tajjeb kienet kif il-ħaddiema qed jirrikonoxxu li għandhom bżonn aktar ħiliet, imma aktar minn hekk, il-fatt li biex ikollhom aktar ħiliet qed jirrikonoxxu li l-onus jaqa’ fuqhom.”
Saret referenza wkoll għal opportunitajiet għal ħaddiema wara l-irtirar, fil-fatt wieħed u ħamsin fil-mija ta’ dawn qalu li jixtiequ jibqgħu jaħdmu, u fil-fatt wieħed mill-għanjijiet tal-politika hi li jonqsu l-ħaddiema li ma jixtiequx ikomplu jdawwru r-rota wara l-irtirar.