L-aħħar żewġ stħarriġiet tal-Ewrobarometru jkompli jikkonfermaw iż-żieda fil-fiduċja mal-poplu li qed jikseb il-Korp tal-Pulizija.
Dan kien il-messaġġ ewlieni f’konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat tmiem l-ewwel sena minn totall ta’ ħamsa tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Strateġija li propju tħabbret sena ilu u li hija imsejsa fuq 11-il oġġettiv b’totall ta’ 49 azzjoni li jridu jiġu implimentati.
Tul il-konferenza, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà flimkien maċ-chairperson tal-Bord tal-Governanza tal-Korp tal-Pulizija, il-Professur Saviour Formosa, taw elenku tal-ħidma li saret f’din l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija. Elenku fi sfond ta’ żieda ta’ 6% fl-aħħar sentejn tal-fiduċja tan-nies fil-Korp tal-Pulizija.
Fil-fatt spjegaw kif fost oħrajn sena ġiet implimentata b’mod sħiħ ir-riforma fit-tmexxija eżekuttiva tal-Korp. Dan flimkien mal-implimentazzjoni wkoll ta’ kodiċi ta’ etika ġdida mhux biss bil-għan li jissalvagwardja d-drittijiet tal-uffiċjali iżda li jsaħħaħ ir-responsabbilitajiet u l-obbligi tagħhom.
Ġie spjegat ukoll li hekk kif id-diversità hija parti intergrali mill-istrateġija, il-Korp vara policy kontra l-fastidji u d-diskriminazzjoni filwaqt li sar streamlining tal-proċeduri interni biex ma jiddistingwux bejn mara u raġel. Semmew kif fost oħrajn ġiet eliminata r-referenza għal WPC biex il-Korp ikun wieħed aktar inklussiv.
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Governanza, Prof. Saviour Formosa stqarr: “L-iktar importanti wkoll li għandna l-Internal Audit Office b’saħħtu ħafna u Internal Audit Committee li imbagħad jiggverna dak l-istess office. Hemm elementi umbagħad ta’ suċċess on the ground jiġifieri pereżempju fil-Financial Crimes diġà qed juru dawk l-elementi b’saħħithom.”
Dwar din il-ħidma, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri fisser kif l-istrateġija tgħin lill-Korp tkun imsejsa fuq strutturi sodi u mhux individwi.
Spjega wkoll kif l-istrateġija titlob li tinżamm komunikazzjoni mal-pubbliku b’mod ċar, konsistenti u trasparenti u l-aħħar xhur huma xhieda ta’ dan: “Allura kienu bidliet favur aktar trasparenza favur aktar kontabbiltà, bidliet favur is-servizz aħjar għan-nies anke servizzi ġodda; Domestic Violence Unit, Community Policing, li nsaħħu s-servizzi lill-vittmi u dan iwassalna umbagħad biex il-Korp tal-Pulizija jkun aktar fdat mis-soċjet tagħna.”
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega kif ir-riżultati li rnexxielu jikseb il-Korp fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni fl-eqqel ta’ pandemija jibgħat sinjal b’saħħtu.
Huwa tenna li fl-erba’ snin li ġejjin se tkompli titwettaq il-ħidma biex il-kumplament tal-istrateġija tiġi implimentata u b’hekk il-fiduċja mal-poplu tibqa’ tissaħħaħ.