399 garaxx ser ikunu disponibbli għall-kiri mingħand l-Awtorità tad-Djar.
Dan permezz ta’ skema ġdida li ser tara kif il-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali ġodda joffru wkoll xi ħaġa lura lill-komunità filwaqt li jitnaqqas l-inkonvenjent tan-nuqqas ta’ parkeġġ.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes spjega kif dawn it-399 garaxx huma mqassma fi blokok differenti ta’ Akkomodazzjoni Soċjali ġodda f’disa’ lokalitajiet differenti.
Dawn huma Ħ’Attard, Birkirkara, Bormla, Ħal Kirkop, l-Imsida, il-Qrendi, is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u ż-Żurrieq.
Huwa qal, “Inċidentalment ukoll fil-passat ħafna nies li kienu jgħixu fil-housing estates minħabba li l-income tagħhom ikun baxx ma jkunux jaffordjaw li jikru garaxxijiet u allura jibqgħu vojta. Għaldaqstant aħna din id-darba ħsibna li nagħmlu available dawn il-garaxxijiet anke lir-residenti tal-madwar li jgħixu fiż-żona li għandhom bżonn ukoll spazju ta’ parkeġġ biex huma wkoll jibbenefikaw minn din il-faċilità.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar spjega kif l-espressjoni ta’ interess ser tiftaħ nhar it-Tnejn 11 ta’ Ottubru.
Huwa spjega kif il-kirja mhux ser tkun waħda sussidjata u ser tkun qed tirrifletti wkoll il-kobor ta’ kull garaxx.
Stqarr kif huma l-iktar persuni li jgħixu qrib tas-siti fejn hemm il-garaxxijiet inkwistjoni li ser ikunu qed igawdu minn din l-iskema: “Użajna metodu li l-persuna irrispettivament mid-dħul tagħhom jistgħu japplikaw biss l-iktar persuni li ser jingħataw prijorità huma dawk li jgħixu l-aktar fil-viċin. Allura l-Awtorità l-metodu huwa li min l-aktar viċin ser ikollu iktar ċans li jieħu garaxx fis-siti differenti.”