Lorvin Micallef ta’ erbgħa u tletin sena, li kien jaħdem ma’ kumpanija tal-kiri tal-karozzi, ammetta fil-Qorti li seraq tliet karozzi li allegatament “sparixxew” imma li aktar tard instabu mill-imgħallem ħdejn id-dar tal-akkużat f’Bormla.
It-tliet vetturi tat-tip Hyundai bdew jidhru fis-sistema li nkrew, imma qatt ma waslu lura.
Fit-tnejn t’Ottubru qam suspett mill-imgħallem wara li ċċekkja d-dettalji u anki filmati minn kameras tas-sigurtà, li wassluh għad-dar tal-impjegat fejn instabu tnejn mill-karozzi misruqa.
Il-Pulizija marru fuq il-post u l-akkużat ikkopera fl-investigazzjonijiet billi anki ta ċ-ċwievet tal-karozzi lill-Pulizija.
Huwa qalilhom ukoll fejn kienet it-tielet vettura u ammetta l-akkużi ta’ serq.
L-Avukat tiegħu, Arthur Azzopardi talab għal rapport ta’ qabel tingħata s-sentenza.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet milqugħa fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom garanzija personali ta’ elf ewro, ordni biex ma jkellimx lix-xhieda, jiffirma fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa u jkun id-dar bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu.
Is-sentenza mistennija tingħata x-xahar id-dieħel.