Bħala parti mill-kunċett ta’ arti fi spazji pubbliċi, ġie inawgurat proġett ta’ installazzjoni artistika fiż-Żejtun.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttua u Proġetti Kapital Ian Borg qal li din l-inizjattiva, barra li tinċentiva l-kreattività tal-artisti lokali, toffri l-opportunità biex spazji pubbliċi fl-irħula u fl-ibliet tagħna jissebbħu b’dawn l-installazzjonijiet artistiċi.
Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu u qal li l-Gvern se jkompli jinvesti f’dawn it-tip ta’ proġetti li permezz tagħhom se jiġġeddu u jitfakkru tradizzjonijiet differenti madwar Malta. Il-Ministru Borg sostna li dawn il-proġetti jkomplu jagħtu aktar ħajja lil-lokalitajiet tagħna.
Il-proġett ‘Olive Twist’ hu xogħol l-artist u arkitett Daniż, Rune Bo Jakobsen, u hu wieħed minn sitt proġetti li kienu ntgħażlu wara kompetizzjoni pubblika msejħa ‘Arti fi Spazji Pubbliċi’.
Dan ġie żviluppat bħala proġett tal-komunità fiż-Żejtun, b’koordinazzjoni mill-kunsill lokali, minn Wirt iż-Żejtun u mill-Malta Unesco Youth Association (MUYA). L-idea ewlenija tal-artist hi li jesprimi r-rabta li ż-Żejtun għandu mat-tradizzjoni tal-għasir taż-żejt taż-żebbuġ. Il-forma tal-iskultura hi ispirata mill-forom organiċi tas-siġar taż-żebbuġ li għandhom rabta kbira mal-kultura u mal-istorja ta’ dan ir-raħal.