Illejla jerġa’ jitlaqqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf, bis-seduta tal-lejla fl-erbgħa mistennija tiddiskuti abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Kumpaniji.
L-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż mistennija tkompli b’ħidmietha b’seduti t-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa, bl-Erbgħa li ġej mistenni jitlaqqa’ ukoll l-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi.
Bħal-lum ġimgħa mbagħad fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi mistenni jippreżenta l-Budget tal-Gvern għas-sena d-dieħla biex imbagħad fil-ġimgħa ta’ wara jkun hemm id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni r-replika tal-Prim Ministru.
Fil-ġimgħat li ġejjin, kif ħabbar il-Prim Ministru waqt seduta speċjali tal-Parlament taż-Żgħażagħ nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Gvern mistenni jressaq fil-Kamra tar-Rappreżentanti, abbozz ta’ liġi ambizzjuż bħala parti mir-riforma fil-liġi tal-kannabis.