Jekk il-pajjiż jiddeċiedi li jmur għall-proġett tal-metro, l-ewwel fażi tkun lesta u tibda topera b’mod sħiħ fi żmien ħames jew tmien snin mindu jibda l-proġett.
Din il-fażi se tara l-bini tal-linja l-ħamra li minn Buġġiba tmur Pembroke u wara ta’ Sliema f’madwar sbatax-il minuta.
Dan intqal minn esperti barranin, l-għada li l-Gvern ippreżenta proposta dwar it-trasport tal-massa għad-diskussjoni, magħrufa bħala Malta Metro.
Waqt li taw aktar dettalji fuq il-proġett, l-esperti barranin li f’idejhom kellhom dettalji konkreti riżultat ta’ snin ta’ studju, qalu li din se tkun bidla enormi għal Malta.
F’kummenti ma’ One News Peter Adams, wieħed mill-esperti, semma kif mas-sistema tal-metro se jkun hemm sistema effiċjenti ta’ karozzi tal-linja.
Min ikun irid imur f’post fejn m’hemmx stazzjon tal-metro, se jkun jista’ jieqaf fl-eqreb stazzjon u jsib karozzi tal-linja li jwassluh fid-destinazzjoni finali.
Qal, “The bus network is very important. Currently the buses are being trapped in the traffic. This is an all island public transport and getting and re-configuring the buses from the side areas and bringing them into the backbones of public transport with the metro itself.”
Il-proposta tal-karozzi tal-linji tista’ twassal għal bidla kbira, li diversi postijiet prominenti f’Malta li sal-lum jaraw mijiet ta’ karozzi, isiru pedonali.
Spjega, “Ċertu żoni li llum noħolmu li jkunu pedonali, ikunu verament jistgħu jsiru. Wieħed jista’ jieħu x-xatt ta’ Ta’ Sliema kemm ikun isbaħ mingħajr karozzi, imma llum ma tistax tagħmilha għax m’hemmx alternattiva għal kulħadd.”
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li dan il-proġett jinsab fil-fażi ta’ diskussjoni nazzjonali u għalhekk jista’ jkun li jiġu emendati xi proposti.
Huwa semma lil Għawdex, u spjega li biex isir metro f’Għawdex, il-popolazzjoni f’din il-gżira trid tiżdied b’minn tal-inqas ħamsin elf resident. Xi ħaġa li tista’ tħalli impatt negattiv fuq Għawdex.
Qal, “Wieħed jista’ anke jiddiskuti żoni oħrajn fejn illum mhux qed jiġu proposti li jintlaħqu, inkluż Għawdex. Però lanqas irridu naraw illi nżidu l-popolazzjoni ta’ Għawdex b’mod mhux sostenibbli just biex ikollna l-metro li tasal hemm. Dak mhuwiex Għawdex li rridu.”
Espert internazzjonali ieħor Salvatore Settecasi, qal li l-istazzjonijiet se jirrispettaw l-ambjent urban u l-postijiet storiċi li jiddominaw fl-irħula.
B’hekk il-ħamsa u għoxrin stazzjon propost se jkunu integrati mal-ambjent tal-post.
Qal, “By also respecting the very strong character that certain areas especially in Malta have and present. By doing this it will be possible to create no isolated spaces but integrated space and connected with the surrounding context and urban fabric. By reading also other characteristics of the heritage and buildings, which makes Malta so unique worldwide.”
Dan il-proġett massiċċ mistenni jieħu bejn ħmistax u għoxrin sena biex jitlesta kompletament u jinkludi tliet linji tal-metro b’total ta’ ħamsa u tletin kilometru.
Fl-aġġornament lill-ġurnalisti ntqal li bħal kull proġett ieħor, fdalijiet arkeoloġiċi dejjem jistgħu jinstabu. F’każijiet bħal dawn, hija prassi komuni li jiġi infurmat is-Supretendent tal-Wirt Kulturali u jiġu segwiti l-protokolli eżistenti.
Il-pubbliku huwa mistieden biex iżur it-tinda li hemm ħdejn il-Funtana Tritoni li fiha hemm preżentazzjoni dettaljata u interattiva tal-proġett.