Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Imsida, arrestaw raġel ta’ disgħa u tletin sena mill-Kuba b’rabta ma’ argument li seħħ is-Sibt filgħaxija bejn grupp ta’ persuni fl-Imsida.
Kien ONE News li żvela dettalji esklussivi, meta għall-ħabta tat-tmienja neqsin għoxrin, intalbet l-assistenza fi blokka t’appartamenti fi Triq Dijonisju Famuċelli.
Fuq il-post iddominat preżenza qawwija ta’ Pulizija, ambulanzi u timijiet mediċi, li kienu lesti biex jassistu f’każ li kien hemm xi nies feruti.
Minkejja dan, fuq il-post ma nstab ħadd, u sa tard bil-lejl, il-Pulizija kienet qed tiċċekkja jekk daħlux xi nies feruti f’xi kliniċi jew sptarijiet.
Fi stqarrija l-Ħadd, il-Pulizija kkonfermat id-dettalji esklussivi li żvela ONE News fuq is-sit one.com.mt, fosthom li fuq il-post instab taqtir ta’ demm – kemm fil-komun tal-blokka kif ukoll ma’ bieb fil-ħames sular.
Minħabba f’hekk, qam suspett li seta’ kien hemm xi ħadd mistoħbi u ssejħu l-membri tal-Ispecial Intervention Unit biex jassistu lill-uffiċjali tar-Rapid Intervention Uniti li kienu diġà fuq il-post.
Il-Pulizija fetħu u fittxew f’kull kamra tal-appartament imma ma nstab ħadd.
Madanakollu nstabu xi armi bil-ponta li setgħu ntużaw fl-argument u sustanza suspettata droga.
Fuq il-bankina, quddiem il-blokka t’appartament, instabet balla li ġiet elevata.
Fil-fatt, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżultaw li allegatament ġie sparat tir fl-ajru waqt l-argument.
Aktar tard il-Ħadd waranofsinhar, wara iżjed tfittxijiet u investigazzjonijiet, il-Pulizija sabet lill-allegat vittma f’Birkirkara, bi ġrieħi ta’ natura ħafifa f’rasu.
Huwa ġie identifikat bħala Libjan ta’ wieħed u tletin sena.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.
Il-Maġistrat tal-Għassa ġiet infurmata bil-każ u qed tmexxi inkjesta.