L-iskart ser jibqa’ jinġabar minn wara l-bibien tad-djar. Hekk stqarr il-Ministru għall-Gvernijiet Lokali, José Herrera li stqarr kif il-Gvern m’għandu l-ebda pjan li jneħħi s-servizz tal-ġbir tal-iskart minn wara l-bibien. Stqarr kif madankollu l-Ministeru għamel stħarriġ li wera kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin hija favur li dan is-servizz jibqa’ jingħata minn wara l-bibien tad-djar.
Huwa spjega: “L-ewwel ħaġa li għamilna bħala Ministeru tramite d-dipartiment huwa li għamilna survey mal-poplu Malti u Għawdxi kollu biex naraw jekk in-nies jixtiqux li l-ġbir tal-iskart jibqa jsir minn quddiem id-djar. U 90% tan-nies f’Malta u Għawdex qalu li huma jippreferu li l-ġbir tal-iskart jibqa’ jittieħed minn quddiem id-djar.”
Stqarr kif il-pjan huwa li permezz ta’ riforma fis-servizz il-ġbir tal-iskart jibda jsir b’mod reġjonali sabiex b’hekk tiżdied l-effiċjenza u jsir aktar effettiv: “Ser issir riforma mela le kif imwiegħda anke fil-manifest elettorali fejn l-idea hi li l-ġbir tal-iskart isir b’mod reġjonali fejn ikollok mass biżżejjed biex l-affirijiet isiru b’mod aktar akurat, b’aktar effiċjenza u b’mod aktar effettiv.”
Il-Ministru Herrera spjega ma’ ONE News kif il-Gvern qed jara wkoll kif dik il-minoranza li tixtieq li jinbidel il-mod ta’ kif jinġabar l-iskart għaliex għal xi raġuni ma jistgħux joħorġu l-iskart wara biebhom, ikunu moqdija wkoll.
Huwa tenna: “Li għamilna wkoll, studjajna dik il-minoranza żgħira ta’ nies li minħabba ċirkostanzi partikolari ma jkunux jistgħu jħallu l-iskart wara l-bieb. U allura dik il-minoranza ta’ nies irrid insib metodu biex naqdihom wkoll però żgur mhux il-politika tiegħi jew tal-Gvern li naqtgħu l-ġbir tal-iskart minn wara l-bibien.”