Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, indirizza l-ħmistax-il Kungress taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej, li qed jitlaqqa’ f’Malta għall-ewwel darba.
It-tema ta’ dan il-Kungress hija waħda ambjentali – “Together for a fair and green recovery”.
Fl-indirizz tiegħu, il-Mexxej Laburista qal li bħala Gvern soċjalista, ix-xogħol li jsir huwa kollu ċċentrat mal-miżuri soċjali li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Liż-żgħażagħ preżenti qalilhom li mhumiex biss il-futur, imma anki l-preżent, u jemmen li ż-żewġ perjodi jistgħu jkunu sbieħ jekk mibnija fuq riformi soċjalisti.
Bit-tema tal-konferenza tkun waħda ambjentali, il-Prim Ministru elenka l-ħidma li diġà saret fis-settur u anki l-miżuri ambizzjużi għaż-żmien li ġej; fosthom dawk dwar karozzi elettriċi, il-pjan li l-flotta tat-trasport pubbliku wkoll tkun b’vetturi elettriċi, u diversi skemi fis-settur tal-immaniġjar tal-iskart.
Quddiem udjenza żagħżugħa, il-Prim Ministru ħeġġeġ liż-żgħażagħ kollha jipparteċipaw u jsemmu leħinhom fit-tfassil tal-preżent u l-futur, speċjalment fejn jidħol l-ambjent.