Eks priġunier li sa ftit tax-xhur ilu kien għadu qed jiskonta sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kellu appell b’saħħtu biex in-nies ma jiġġudikawx.
Peter, isem fittizju li tajnih biex nipproteġu l-identità tiegħu minħabba li għad għandu każ pendenti, skonta diversi sentenzi relatati ma’ droga.
Qalilna li importanti li wieħed jifhem għaliex beda juża d-droga għaliex inkella jibqa’ jirrepeti l-istess żball.
L-ewwel darba li mess mad-droga kellu erbatax-il sena, meta ma kienx isib ma’ min jitkellem u kien jingħalaq fih innifsu.
Qal, “Jien għandi sitt aħwa. Jien ħadt id-droga, kollha l-istess trabbejna, jien ħadt id-droga minnhom imma forsi jiena kont weak iżjed minnhom.”
Peter qalilna li d-deċiżjoni tiegħu li jibqa’ jieħu d-droga, kissritlu r-relazzjoni m’uliedu, minkejja li ppruvaw jgħinuh tul is-snin.
Illum il-ġurnata, jifhem li weġġagħhom u qed jagħtihom l-ispazju li għandhom bżonn.
Spjega, “Kienu għadhom żgħar it-tfal meta qbadt nieħu d-droga, anki per eżempju jkunu l-iskola jew x’imkien, jisimgħu d-droga, oops, l-ewwel feeling li jiġihom huma, missieru hux, mhix xi ħaġa sabiħa.”
Peter huwa wieħed minn fost ħames eks priġunieri li bħalissa qed jingħataw l-għajnuna mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl biex jipprova jibni pont mal-familja tiegħu.
Qal, “Ġieli bkejt waħdi noqgħod naħseb fuqhom imma għandi l-għajnuna u nemmen li nasal.”
Fil-passat, Peter ġieli skonta sentenzi oħra u saħansitra itwal, li qalilna ma jafx kif għaddew għax kien jieħu d-droga kuljum.
Qal, “F’dawn is-sentejn qatt ma ħadt droga. Qatt ma kelli opportunità. Fittixtha, ngħidlek il-verità, però qatt ma sibtha.”
Issa li ħareġ mill-Faċilità Korrettiva aktar kmieni din is-sena, Peter ħassu mbeżża’ kif se jerġa’ jintegra fis-soċjetà, imma jinsab ħerqan li jerġa’ jibni relazzjoni li nkisru u jidħol lura fid-dinja tax-xogħol.
Qal, “Meta ma jkollokx il-libertà u xi ħadd jeħodlok il-libertà, ikun ħadlek kollox, jiġifieri fil-ħabs teżisti tkun qiegħed fil-verità, mhux tgħix.”