Xogħol u pjanijiet u fl-aħħar tniffdet.
Hekk nistgħu ngħidu għall-mina taħt l-art li issa għaqdet l-impjant tar-Reverse Osmosis f’Pembroke mal-imħażen tal-ilma f’Ta’ Qali bil-għan li titjieb it-togħma u l-kwalità tal-ilma.
Il-mina b’tul ta’ disa’ kilometri u nofs saret b’investiment ta’ sebgħa u għoxrin miljun u nofs ewro, b’parti minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.
Din il-mina ser tkun qed tieħu l-ilma mir-Reverse Osmosis ġewwa Pembroke u tgħaddih fir-riservi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġewwa Ta’ Qali.
Minn hemmhekk, l-ilma jitqassam fid-djar fl-akwati taċ-ċentru tal-pajjiż permezz ta’ pajpijiet li għad iridu jitpoġġew tul il-mina kollha, fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ivan Falzon stqarr kif dan il-proġett imur id f’id mal-viżjoni li għandha l-istess korporazzjoni li twassal aktar ilma ta’ kwalità għall-klijenti kollha.
Qal, “Se twassal biex il-korporazzjoni tkun tista’ sservi lil poplu Malti b’mod aħjar, b’togħma ta’ ilma aħjar minn dik tal-lum u b’iżjed konsistenza.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq kif din il-mina ukoll hija parti Importanti mill-infrastruttura tal-pajjiż filwaqt li semma l-importanza li wieħed jieħu ħsieb ir-riżorsi tal-pajjiż.
Spjega, “Hija mina li permezz tagħha ser titjieb ukoll id-distribuzzjoni tal-ilma minn naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li tifforma ukoll parti mill-proġetti li qed isiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea mill-istess korporazzjoni.”
Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli nnotat kif din il-mina qed tilħaq għanijiet lil hinn mit-togħma biss tal-ilma iżda li tkompli tnaqqas l-impatt ambjentali tal-Korporazzjoni.
Qalet, “L-ewwelnett li nkomplu naħdmu biex nassiguraw togħma, konsistenti u aħjar tal-ilma u fl-istess ħin permezz ta’ dan il-proġett qegħdin naraw ukoll li nkunu qed innaqqsu l-impatt ambjentali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.”