Fil-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali, ġie ffirmat ftehim soċjali ieħor, li se jissarraf f’finanzjament ta’ ħamsin elf ewro fuq medda ta’ tliet snin għall-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.
Din il-Fondazzjoni ilha mwaqqfa sebgħa u għoxrin sena, u tipprovdi programmi soċjali u umanitarji lill-priġunieri u l-familji tagħhom biex tgħinhom jintegraw lura fis-soċjetà wara li jkunu skontaw is-sentenza.
Fl-istess waqt, isservi ta’ xelter permezz ta’ żewġ residenzi f’Bormla li fis-snin li ilhom għaddejin, taw kenn lil aktar minn mitt persuna.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, George Busuttil spjega li l-aktar problema li jiltaqgħu magħha f’dawn is-sitwazzjonijiet hija li wara li persuna tkun skontant sentenza l-ħabs, tispiċċa bla saqaf fuq rasha.
Għal dan hemm ħafna raġunijiet, imma l-aktar komuni hija li l-familja ma tkunx lesta taħfer u tilqa’ lura lill-priġunier.
Qal, “Hemmhekk mhux biss importanti li nipprovdu post fejn joqgħod, saqaf fuq rasu, imma importanti li minn qabel joħroġ mill-ħabs jekk jista’ jkun, nibdew naħdmu mal-familja permezz ta’ terapija speċjalizzata u professjonali biex id-difetti li kien hemm fl-istruttura ta’ dik il-familja, insolvuhom, bit-tama li ma jdumx wisq wara li joħroġ mill-ħabs li jerġgħu jkunu flimkien.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon qal li dan il-Gvern verament jemmen fil-potenzjal ta’ kull persuna, irrelevanti mill-passat u l-istorja tagħha.
Spjega, “Huwa ftehim fejn qed nuru verament li nemmnu f’kulħadd, mhix kwistjoni ta’ numri biss, li kulħadd għandu jkollu t-tieni ċans, li kulħadd għandu jkollu l-opportunità jiżviluppa l-potenzjal tiegħu u f’dan il-każ mhux biss inkunu f’soċjetà inklussiva imma nkunu soċjetà li temmen fil-ġustizzja soċjali.”