Glen Farrugia, wieħed mid-diretturi tal-kumpanija J&G Farrugia Contractors, baqa’ jinżamm arrestat wara li l-Ħamis tressaq il-Qorti b’rabta mal-każ ta’ Selmun, fejn ħaddiem tal-kostruzzjoni mill-Ghana ndarab gravi wara li hu mifhum li waqa’ minn għoli ta’ żewġ sulari.
Fost l-akkużi li bihom xlieh l-Ispettur George Frendo kien hemm li Farrugia kkaġuna ferita gravi fuq il-vittma, u li bħala direttur ta’ kumpanija u l-imgħallem tal-vittma kkawża l-ġrieħi fuqu minħabba negliġenza. Kien akkużat ukoll li ma ħax il-passi meħtieġa biex il-ħaddiema fis-sit tal-kostruzzoni jkunu protetti, li naqas milli jagħtihom it-taħriġ biex jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol. Isemma wkoll li l-akkużat ipprova jelimina xi provi.
Dan apparti diversi akkużi relatati mal-ingaġġ u ż-żamma tal-ħaddiema.
L-Ispettur George Frendo spjega kif malli l-Pulizija marret fuq il-post sabet lill-vittma, Lamin Jaiteh, li identifika lill-akkużat b’ismu u qal li dan ċaqalqu minn fejn waqa’, u ħadu fil-post fejn instab.
Hawn jidher li qallu biex jistenna l-għajnuna hemmhekk. Jidher ukoll li l-vittma sofra ksur fix-xewka ta’ dahru.
L-Avukat tad-Difiża Franco Debono staqsa lill-Prosekuzzjoni jekk talbux li tinfetaħ inkjesta dwar il-każ, iżda jidher li meta l-Pulizija talbet parir mill-Maġistrat tal-Għassa ntqal lilha li ma kienx hemm għalfejn. Id-Difiża argumentat li l-Prosekuzzjoni għandha l-obbligu turi provi konkreti ta’ x’ġara meta l-akkużat mar minn jeddu l-għassa tal-Pulizija, u ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi arrestat.
Il-pulizija qalet li f’reati bħal dawn trid tistabbilixxi l-fatti minnufih, u fil-ħin li sar l-arrest kellha suspett raġonevoli li Farrugia hu l-allegat impjegat tal-vittma u bagħtet għalih.
Il-Qorti talbet biex il-vittma jixhed malli jkun possibbli.
Fl-awla kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol u JobsPlus.
12:10 – Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża u Glen Farrugia se jibqa’ jinżamm arrestat anke għaliex għad irid jixhed il-vittma. Il-Qorti talbet biex dan jixhed malli jkun possibbli.
12:00 – Farrugia wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona għat-talba tal-ħelsien mill-arrest. Id-Difiża argumentat li l-fedina penali tal-akkużat hija kważi netta.
11:42 – Il-Maġistrat Nadine Lia qalet li l-arrest huwa validu, ir-rekwiżiti ġew milqugħa u l-Qorti tista’ tikkonvalidah.
11:34 – Il-pulizija qalet li f’reati bħal dawn trid tistabbilixxi l-fatti minnufih, u fil-ħin li sar l-arrest kellha suspett raġonevoli li Farrugia hu l-allegat impjegat tal-vittma u bagħtet għalih. Hawn ippreżenta wkoll ir-rinunzja tal-akkużat li turi li l-Pulizija tagħtu d-drittijiet kollha tiegħu skont il-liġi. Qalet ukoll li dan hu x-xogħol tagħha ta’ kuljum li minn suspetti toħroġ il-fatti.
Jidher ukoll li l-akkużat ma ffirmax l-istqarrija tiegħu.
11:30 – Id-Difiża argumentat li l-Prosekuzzjoni għandha l-obbligu turi provi konkreti ta’ x’ġara meta l-akkużat mar minn jeddu l-għassa tal-Pulizija, u ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi arrestat.
Il-Pulizija qalet li tagħtu d-dritt li jitkellem u qalet li ġie arrestat abbażi ta’ suspetti ġenwini li Farrugia kellu x’jaqsam mal-akkużi msemmija fil-każ.
11:23 – L-Avukat tad-Difiża Franco Debono staqsa lill-Prosekuzzjoni jekk talbitx li tinfetaħ inkjesta dwar il-każ, iżda jidher li meta l-Pulizija talbet parir mill-Maġistrat tal-Għassa ntqal lilha li ma kienx hemm għalfejn.
Aktar qabel – Glen Farrugia, wieħed mid-diretturi tal-kumpanija J&G Farrugia Contractors tressaq il-Qorti dalgħodu b’rabta mal-każ ta’ jumejn ilu f’Selmun, fejn ħaddiem tal-kostruzzjoni mill-Ghana ndarab gravi wara li hu mifhum li waqa’ minn għoli ta’ żewġ sulari.
Il-Qorti semgħet kif malli marret fuq il-post, il-Pulizija sabet il-vittma li identifika lill-akkużat b’ismu, u qal li ċaqalqu minn fejn waqa’ u ħadu fil-post fejn instab mill-Pulizija.
Hawn jidher li qallu biex jistenna l-għajnuna hemmhekk.
Il-vittma jidher li sofra ksur fis-sinsla ta’ dahru, u l-Pulizija qalet li l-impjegat naqas milli jieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tiegħu.
Dwar dan il-każ il-Pulizija kellmet ukoll lil bosta għaqdiet tal-ħaddiema.
Ara wkoll: