Il-pulizija għadha qed tinvestiga l-każ tar-raġel ta’ 32 sena li allegatament tħalla fuq bankina fl-inħawi ta’ Selmun wara li waqa’ minn għoli ta’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni.
Il-pulizija kellmet il-kuntrattur Glen Farrugia li nifhmu li huwa l-imgħallem tal-ħaddiem barrani li aktarx lanqas kellu permess biex jaħdem f’pajjiżna.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li l-każ huwa kumpless ħafna u l-pulizija għadha qed tinvestiga bir-reqqa u mhux se tipprosekwixxi għalissa fuq il-każ sakemm tara x’filfatt ġara.
Intant ma’ ONE News, Renee Laiviera, il-Kummissarju tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza saħqet fuq l-importanza li kull ħaddiem iħossu sigur fuq il-post tax-xogħol.
Qalet, “Aħna l-ħaddiema tagħna rridu nieħdu ħsiebhom u ħadt pjaċir ħafna meta rajt ir-reazzjoni tal-pubbliku b’dak il-mod. Fl-istess ħin però, irridu noqogħdu attenti li l-ebda ħaddiem, int min int, ma ssib ruħek f’dik is-sitwazzjoni li tista’ tweġġa’ biex taqla’ x’tiekol.”
Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza nnutat b’sodisfazzjon li kien hemm kundanna qawwija fuq il-midja soċjali u fost kull min ikkummenta dwar dan il-każ.
Sadanittant Caroline Galea, il-persuna li assistiet lill-vittma, Jaiteh Lamen tkellmet fuq ONE Breakfast, fuq dak li rat fil-Mellieħa.
Aktar tard hija żaret lir-raġel mill-Ghana fl-isptar fejn deher fuq siġġu jitkellem wara li ġie ferut.