L-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta bdiet tagħmel seminars apposta lir-Reġjun Xlokk u lir-Reġjun ta’ Għawdex.
Dan sabiex wieħed minnhom ikollu t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2030.
Għall-ewwel darba, żewġt ibliet qed jikkontestaw għal dan it-titlu; il-Birgu u r-Rabat, Għawdex.
Fil-bidu ta’ dan is-seminar, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Jason Micallef qal kif f’dan il-proċess, il-postijiet imsemmija jridu jippreżentaw il-proposti tagħhom quddiem il-Kummissjoni Ewropea.
Micallef stqarr, “Ngħinu lil sħabna fil-każ tax-Xlokk, allura li qed jirrappreżenta lill-Kottonera u bliet oħrajn fin-naħa tax-Xlokk u lir-Reġjun ta’ Għawdex biex iwasslu għall-proċess li jdaħħlu l-bid book tagħhom, ħalli jdaħħlu dak kollu li jaħsbu illi huwa fl-aħjar interess taż-żewġ reġjuni rispettivi biex is-sena d-dieħla u ta’ wara jibdew b’diskussjonijiet telgħin u neżlin Brussell.”
Intqal kif il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tagħmel id-deċiżjoni finali lejn l-aħħar tal-2025.
Micallef semma kif dan it-titlu mhux se jkun dedikat biss lill-belt magħżula iżda anke r-reġjun tal-madwar.
Il-Ministru għall-Kultura José Herrera qal kif il-Valletta 2018 ġġenerat sitt mija u ħamsin miljun ewro (€650 miljun) fl-ekonomija Maltija.
Il-Ministru Herrera sostna, “Kienet idea tajba illi l-proċess sabiex nerġgħu napplikaw għal dan it-titlu, jiġi kkordinat mill-fondazzjoni li qed tmexxi l-legat tal-aħħar darba għax naturalment matul is-snin ikunu ġabru l-esperjenza u jafu eżattament fejn trid tasal.”