B’investiment ta’ mitejn elf ewro, tjiebet l-infrastruttura fil-Laboratorju għas-Servizzi Agrikoli.
Dan il-laboratorju twaqqaf ’il fuq minn erbgħin sena ilu u joffri servizzi lill-komunità tal-bdiewa.
Tul is-snin, id-domanda tal-bdiewa għall-ittestjar tal-ħamrija u l-ilma għat-tisqija kibret, u allura r-ristrutturar tal-laboratorju kien ta’ importanza kbira.
L-uffiċjal xjentifiku Moira Pace, spjegat is-servizzi li jingħataw f’dan il-laboratorju.
Pace stqarret, “Il-Ministeru, permezz tas-servizz tal-Agri Connect, iġib il-kampjuni tal-ħamrija f’dan il-laboratorju sabiex isiru t-testijiet meħtieġa. Nagħmlu testijiet kemm ta’ nutrijenti, ta’ nitrat, potassju u fosfru u anki nagħmlu testijiet oħra fuq materjal organiku fil-ħamrija.”
L-uffiċjal agrikolu, Michael Sciberras spjega kif isiru dawn it-testijiet.
Sciberras sostna, “Hawnhekk f’din il-kamra nagħmlu l-ewwel proċess tal-ħamrija fejn il-ħamrija tiġi magħrbula u mnixxfa fi fran apposta. Wara, il-ħamrija tiġi trattata permezz ta’ taħlita ta’ ilma u l-ħamrija, nagħmlu l-filtrazzjoni tagħha u jsiru numru ta’ testijiet fuqha.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo qal li din l-infrastruttura se tissarraf f’servizzi aktar professjonali għall-bdiewa u r-raħħala.
Il-Ministru Refalo qal, “Dal-laboratorju huwa importanti biex jgħin lill-bdiewa, l-ewwelnett biex jilqgħu l-isfidi u jkollhom kwalità aħjar u fl-istess ħin, jgħin lill-bdiewa josservaw il-liġijiet ambjentali.”
Dan l-investiment huwa frott miżura fil-budget ta’ din is-sena u x-xogħol li sar juri l-impenn tal-Gvern fis-settur.