Kienet storja li xxukkjat lil Malta hekk kif ritratti u filmati li ttellgħu fuq il-midja soċjali ta’ raġel mixħut minn tulu f’ġenb ta’ bankina mxew sew u ħolqu furur.
Minkejja li l-ewwel ħsieb ta’ min waqaf ħdejh kien li ħasbu li ħassu ħażin, l-istorja żvolġiet mod ieħor. Dan hekk kif l-ewwel rapporti qalu kif ir-raġel tħalla f’ġenb tat-triq minn min qed iħaddmu.
Dan wara li waqa’ madwar żewġ sulari għoli f’sit ta’ kostruzzjoni.
Kienu bosta li xerrdu l-istorja u qasmu d-dispjaċir dwar din l-istorja li ma titwemminx.
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ One.com.mt li lbieraħ għall-ħabta ta’ nofshinar daħlitilhom telefonata rigward dan il-każ, fejn fuq il-post immedjatament waslet ambulanza b’tim mediku li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei.
Kmieni dalgħodu, l-għada li r-raġel mill-Ghana ta’ 32 sena tħalla fil-Mellieħa, ONE Breakfast tkellem ma’ Caroline Galea – waħda mill-ewwel persuni li kienet fuq il-post hekk kif malli rat lir-raġel mixħut fl-art waqqfet il-karozza u niżlet toffri l-għajnuna tagħha.
B’ton miksur u anke ta’ rabja hija ddeskriviet il-mument li saret taf li dan ir-raġel allegatament tħalla mill-imgħallem tiegħu muġugħ fuq il-bankina fejn spjegat kif ma setgħetx temmen dak li bdiet tisma’.
Il-mara rringrazzjat ukoll it-tim mediku li wasal immedjatament fuq il-post sabiex ta l-ewwel għajnuna lir-raġel.
Hija faħħret ukoll il-mod ta’ kif il-Pulizija għenu lir-raġel.
Segwi l-filmat għall-intervista kollha.