“Salvajna l-ħajjiet f’ħidma li tmur lil hinn mill-obbligazzjonijiet tagħna bħala stat u kburi b’dak kollu li għamilna.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti fil-kawża li fetħet l-għaqda Repubblika kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta, Jeffrey Curmi sabiex jiddaħħlu madwar ħamsin immigrant f’pajjiżna.
Il-każ imur lura għall-April ta’ sena ilu, hekk kif dawn l-immigranti ma ddaħħlux f’pajjiżna minħabba l-imxija.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-port f’pajjiżna dak iż-żmien kien magħluq fuq ordni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
L-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Paul Borg Olivier staqsa dwar l-irwol tal-Prim Ministru f’dan il-każ, bil-Prim Ministru qal li f’dan il-każ ma kellu l-ebda rwol dirett.
Dr Abela spjega kif il-Brigadier kien għamel kuntatt mal-uffiċċju tiegħu u qal li kienu qed jaqsmu aktar dgħajjes milli l-armata kellha bastimenti tal-baħar li fil-kundizzjonijiet tal-baħar f’dak iż-żmien setgħu jagħmlu l-operazzjonijiet bihom.
B’referenza għall-użu ta’ bastimenti privati, il-Prim Ministru qal li din hija xi ħaġa li tiġri b’mod regolari u permissibbli.
Il-Prim Ministru semma l-għajnuna umanitarja li l-Gvern Malti ta lil-Libja fosthom intbagħtet merkanzija ta’ tletin tunnellata ta’ ikel u xorb.
Dr Abela qal kif huwa bħala Prim Ministru ma kellu l-ebda involviment għaliex kienet il-liġi li tagħti kull direzzjoni fl-operazzjonijiet fuq il-baħar.
Stqarr li dak iż-żmien l-informazzjoni li kellu l-istat kienet li kien hemm 800,000 immigrant lest biex jitlaq mix-xtut Libiċi iżda Paul Borg Olivier ripetutament għamel l-istess mistoqsija dwar l-involviment tal-Prim Ministru fil-każ tant li dan kellu jinnotah ukoll l-Imħallef.
Wara talba li għamel l-Avukat Borg Olivier, biex il-Prim Ministru jesebixxi dak li xehed fl-inkjesta, ftit tal-minuti wara l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista spiċċa jikkwota mill-istess xhieda tal-Prim Ministru fl-inkjesta.
Dan il-punt lissen tbissima fuq fomm dawk preżenti fl-awla.
Kien l-istess Paul Borg Olivier li talab biex jixhed il-Prim Ministru wara seduta f’April li għadda li fiha spiċċa jitmasħan tant li wara li sabbat fuq il-podium spiċċa weġġa’ idu.
Aġġornamenti mill-Awla tal-Qorti:
11:33 – Paul Borg Olivier staqsa jekk wara l-involviment tal-bastimenti privati jekk il-Prim Ministru kienx involut b’xi mod dirett jew indirett f’din l-operazzjoni. Dan wara li ripetutament għamel l-istess mistoqsija tant li dan kellu jinnotah ukoll l-imħallef. Qal kif il-Prim Ministru kien infurmat kif ġie infurmat il-pajjiż kollu. Qal li d-direzzjoni tal-operazzjoni kienet qed tingħata mill-RCC tal-operazzjoni.
Beda issa l-kontro-eżami mill-avukat tal-istat. Il-Prim Ministru ikkonferma x-xhieda li ta fl-inkjesta maġisterjali u fl-intjier tagħhom. Hawnhekk reġa għamel mistoqsija oħra Paul Borg Olivier dwar allegat involviment ta’ Neville Gafa fl-operazzjoni. Qal li dak iż-żmien ma kellu l-ebda rwol ħlief għal xi kuntatt mal-intern tal-Libja. Huwa spjega kif Neville Gafa ma baqa’ jokkupa l-ebda kariga fl-uffiċju tal-Prim Ministru minn meta Robert Abela ħa l-ġurament bħala Prim Ministru. Hawnhekk intemmet ix-xhieda tal-Prim Ministru.
11:26 – Dwar assistenza ta’ ikel u xorb lil-Libja, il-Prim Ministru stqarr li din ma kinitx għajnuna iżolata iżda xi ħaġa li ssir b’mod konsistenti. Qal li din kienet tikkonsisti fi 30 tunnellata ta’ ikel u xorb u dawn tħallsu mingħand il-Gvern Malti. Qal li din xi ħaġa li wkoll wasslet għar-relazzjoni tajba li pajjiżna għandu mal-Libja.
Hawnhekk Paul Borg Olivier staqsa dwar il-mument li fih bdiet l-operazzjoni bl-użu ta’ tliet bastimenti privati u dwar kif kien qed ikun aġġornat il-Prim Ministru. Qal li f’dak iż-żmien kien qed ikun infurmat mill-Kap tas-Segretarjat ta’ dak iż-żmien Clyde Caruana.
Qal kif huwa bħala Prim Ministru ma kellu l-ebda involviment għaliex kienet il-liġi li tagħti kull direzzjoni f’din l-operazzjoni. Il-Prim Ministru stqarr li ebda Prim Ministru madwar id-dinja ma joqgħod jikkordina s-salvataġġ hu. Qal li kieku jitlaq kollox minn idu u joqgħod jikkordina biss is-salvataġġi. Stqarr li dak iż-żmien l-informazzjoni li kellu l-istat kienet li kien hemm 800,000 immigrant lest biex jitlaq mix-xtut Libiċi.
11:18 – Dwar l-operazzjoni ta’ salvataġġ li involviet tliet bastimenti privati, il-Prim Ministru stqarr li kien hemm tliet modi li bihom seta’ jaġixxi l-istat f’dan il-każ wara t-talba tal-Brigadier. Qal li kieku ma sar xejn, l-istat ma kienx ikun qed jikser l-ebda obbligu iżda stqarr li kienu mxew fuq il-kuxjenza u għalhekk intbagħtu l-bastimenti li kien hemm bżonn u li l-armata ma kelliex.
Stqarr l-użu ta’ bastimenti privati hija xi ħaġa li tiġri b’mod regolari u permissibbli. Hawnhekk fakkar kif il-port f’pajjiżna dak iż-żmien kien magħluq fuq ordni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Hawnhekk stqarr kif pajjiżna salva l-ħajjiet kollha li setgħu ikunu salvati. Il-Prim Ministru stqarr kif l-istat, f’dik l-operazzjoni kien qed iwettaq l-obbligu ta’ kordinazzjoni tiegħu. Qal madankollu li l-bastiment ma jfissirx li kien fil-kontroll jew aġent tal-istat Malti.
11:12 – Paul Borg Olivier staqsa dwar l-irwol tal-Prim Ministru f’dan il-każ u Dr Abela qal li f’dan il-każ ma kellu l-ebda rwol dirett. Dwar min kien involute, il-Prim Ministru stqarr li bħala Prim Ministru huwa ma jkun involut b’mod dirett fl-ebda operazzjoni ta’ salvataġġ. Huwa spjega kif il-Brigadier kien għamel kuntatt mal-uffiċċju tiegħu u qal li kienu qed jaqsmu aktar dgħajjes milli l-armata kellha bastimenti tal-baħar li fil-kundizzjonijiet tal-baħar f’dak iż-żmien setgħu jagħmlu l-operazzjonijiet bihom. Huwa spjega kif saret talba jekk il-Gvern setax jgħin f’assi. Qal li f’dan il-każ l-istat mar lil hinn mill-obbligi tiegħu ta’ koordinazzjoni. Il-Brigadier kien talab biex isir dak kollu biex ikunu salvati l-ħajjiet u hekk sar mill-istat.
Spjega kif il-Ministru Clyde Caruana li dak iż-żmien kien Kap tas-sSgretarjat diġà xehed dwar x’kien sar. Wara talba li għamel fil-bidu, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista talab biex il-Prim Ministru jesebixxi dak li xehed fl-inkjesta.
Issa l-Avukat Borg Olivier qed jikkwota mill-istess xhieda tal-Prim Ministru fl-inkjesta. Punt li lissen tbissima fuq fomm dawk preżenti fl-awla.
11:07 – Dalgħodu mistenni jixhed il-Prim Ministru Robert Abela f’kawża li fetħet l-għaqda Repubblika kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta, Jeffrey Curmi sabiex jiddaħħlu madwar ħamsin immigrant f’pajjiżna.
Il-każ imur lura għall-April ta’ sena ilu, hekk kif dawn l-immigranti ma ddaħħlux f’pajjiżna minħabba l-imxija.
Fl-aħħar seduta kien l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier li talab biex jixhed il-Prim Ministru wara seduta li fiha spiċċa jitmasħan tant li wara li sabbat fuq il-podium spiċċa weġġa’ idu.