Madwar id-dinja kull sena jmutu madwar tmintax il-miljun ruħ b’mard tal-qalb. Dawn huma numri kbar ħafna meta wieħed jikkunsidra li sa mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19 mietu erba’ miljun u nofs persuna. Huwa għalhekk li l-kumpanija Novartis f’attività ħeġġet sabiex wieħed jieħu ħsieb saħħtu u jagħmel it-testijiet tal-qalb b’mod regolari.
Il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Qalb, Dr Robert Xuereb spjega kif fost il-mard tal-qalb wieħed isib l-atherosclerotic cardiovascular disease.
“Hemm dak li ngħidulu aħna atherosclerotic cardiovascular disease jiġifieri meta jkun hemm id-djuq tal-arterji. Id-djuq tal-arterji dan kullimkien għax jekk ikollok is-sadid fil-pipijiet tal-kċina ser ikollok is-sadid ukoll fil-pipijiet tal-kamra tal-banju, fil-kamra tal-bejt, fil-kamra tal-basement, fil-garaxx u l-istess ħaġa jiġri fil-ġisem. Dan huwa mard li jiżviluppa maż-żmien.”
Dr Xuereb spjega kif f’Malta ukoll huma bosta li jbatu mill-mard tal-qalb tant li l-maġġoranza tal-imwiet ikkawżati b’mard huma dawk li jaslu wara problemi tal-qalb.
“Malta għandna l-problema? Iva għandna l-problema. Malta għadha l-kawża numru wieħed tal-imwiet f’pajjiżna. Iktar imutu fil-mard tal-qalb f’pajjiżna milli jmutu bil-kanċer. Fil-fatt minn kull mewt li jkun hawn, terz minnhom jkunu kawża ta’ mard tal-qalb.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tat-tobba, il-Professur Stephen Fava spjega kif fost l-oħrajn wieħed għandu jagħmel it-testijiet b’mod regolari għall-cholesterol filwaqt li jekk ikun hemm bżonn wieħed m’għandux iżomm lura milli jieħu l-kura meħtieġa.
“Cholesterol sfortunatament ma jtikx sintomi ħafna drabi, ma tindunax li għandek cholesterol għoli qabel ma ttik xi attakk tal-qalb jew puplesija jew problema biċ-ċirkolazzjoni tas-saqajn. Allura huwa iva importanti ħafna li wieħed jiċċekja l-cholesterol b’mod regolari iktar u iktar jekk għandek fil-familja, min taf li għandu l-cholesterol għoli jew kellu mard kardjovaskulari, qalb, ċirkolazzjoni jew strokes.”