L-istudenti kollha tal-Università ta’ Malta u l-Junior College se jidħlu b’xejn fis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta b’effett immedjat.
Dan grazzi għall-Memorandum of Understanding li kien ġie ffirmat bejn l-università u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Wirt Kulturali.
L-istudenti li jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn din l-opportunità jridu sempliċiment jippreżentaw il-kont tal-eSIMS tagħhom – fuq il-mowbajl jew f’verżjoni stampata – fid-daħla tas-sit jew tal-mużew tal-għażla tagħhom.
Il-ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet ġie ffirmat fi tmiem Settembru tas-sena li għaddiet u jkopri perjodu ta’ tliet snin.
Minbarra dħul b’xejn għall-istudenti fis-siti u l-mużewijiet, l-inizjattivi li qablu fuqhom iż-żewġ naħat jinkludu l-qsim ta’ riżorsi bħal libreriji u tagħmir. Dan jagħti lill-impjegati ta’ Heritage Malta kif ukoll lill-ħaddiema u lill-istudenti tal-Università aċċess għal ġabra wiesgħa ta’ għarfien.
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Mario Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit u r-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Alfred J. Vella.