- Nitkellmu ma’ Tiffany Farrugia, Maltija f’Berlin li sal-bieraħ kienet hemm
Bosta persuni mietu u oħrajn indarbu hekk kif trakk baqa’ dieħel f’suq tal-milied fiċ-ċentru ta’ Berlin. Hu maħsub li l-ammont tal-mejta huwa disgħa.
Is-sewwieq jinsab arrestat u persuna oħra li kienet miegħu tilfet ħajjitha.
Il-Pulizija qed tissuspetta li kien attakk maħsub. Is-suq huwa dak ta’ Breitscheidplatz, qrib Kurfuerstendamm, it-triq prinċipali fil-punent tal-belt.
Ix-xena hija deskritta bħala waħda kerha ħafna. Jidher li l-Pulizija stabilixxiet postijiet fejn jistgħu jinġabru qraba ta’ dawk mejta jew midruba.
Huwa post li jattira anke bosta Maltin. Tkellimna ma’ Tiffany Farrugia li sal-bieraħ kienet fl-istess suq. “Hawn il-paniku fit-toroq bħalissa” qaltlina, u żiedet tgħid li b’xorti tajba ma żaritx is-suq illum.
“Qisni ħassejtha li ġejja xi ħaġa hekk, għax kien hawn ħafna twissijiet” temmet tgħid.