Mario Baldacchino ta’ 51 sena minn Ħal Qormi baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li ħebb u weġġa’ uffiċjal tal-pulizija.
Il-każ seħħ nhar il-Ħadd, 26 ta’ Settembru 2021, għal xi t-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, meta l-Pulizija kienet qed tinvestiga rapport fi Triq il-Kus, Ħal Qormi.
F’dan il-ħin żewġ pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi marru fuq il-post sabiex ikellmu lill-akkuża rigward rapport ta’ aggressjoni u theddid fil-konfront ta’ persuna oħra.
Waqt li kienu qegħdin ikellmuh, ir-raġel kien aggressiv fl-atteġjament tiegħu, filwaqt li beda ukoll jonqos li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija.
Kien għalhekk ġie infurmat li se jiġi arrestat, iżda f’dan il-mument r-raġel ipprova jaħrab u ħebb għall-pulizija, bil-konsegwenza li wieħed mill-pulizija weġġa’, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.