Il-Malta Enterprise, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, nediet skema ġdida li tħeġġeġ lil min iħaddem jimpjega persuni b’diżabilità.
Din l-iskema tista’ tkopri sa disgħin fil-mija tal-ispejjeż sa massimu ta’ għaxart elef ewro, meta min iħaddem jinvesti f’apparat jew teknoloġiji li jagħmlu l-ambjent fuq il-post tax-xogħol aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli spjegat kif se taħdem din l-iskema, li għandha l-għan li tkompli tmexxi soċjetà inklussiva fil-ħajja ta’ kuljum, inkluż fuq il-post tax-xogħol.
Qalet, “Il-ħsieb tal-iskema huwa li ninvestu f’miżuri tanġibbli li jagħmlu differenza bħal per eżempju jekk isir resurfacing tal-art biex jagħmilha iktar aċċessibbli għal persuni li jkunu jużaw il-wheelchair biex jiċċaqalqu minn post għall-ieħor. Jekk per eżempju jkollok kumpaniji li jridu jagħmlu investiment f’ċertu teknoloġija bħall-braille għal min ma jkunx qed jaqra jew biex ikabbar it-tipa, jew alarms, fost l-oħrajn.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli qalet li l-għan aħħari ta’ din l-iskema huwa li l-intrapriżi jħaddnu d-diversità fuq il-post tax-xogħol.
Spjegat, “B’din l-iskema, il-Gvern qed jibgħat messaġġ b’saħħtu li rridu nkomplu nkissru l-barrieri li s’issa qed iwaqqfu lill-persuni b’diżabilità biex ikunu inklużi fid-dinja tax-xogħol. Diġà għamilna ħafna, erbat elef persuna b’diżabilità qiegħda fid-dinja tax-xogħol u nemmnu li b’din l-iskema li tagħti lura disgħin fil-mija tal-investiment biex jgħin persuni b’diżabilità, se tkompli ttejjeb dik il-figura.”
Il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw id-dettalji dwar din l-iskema, saret fil-binja tal-kumpanija Abertex fil-Mosta.
Il-Kap Eżekuttiv tagħha, Malcolm Tabone spjega kif il-kumpanija diġà tħaddem persuni b’diżabilità u mistennija tkompli tmexxi bl-eżempju billi tagħmel użu minn din l-iskema u jkollha faċilitajiet aktar aċċessibbli.
Qal, “Nies b’diżabilità għandhom il-kapaċitajiet tagħhom f’ċertu oqsma u rridu nesploraw u nisfruttaw dik il-ħaġa. Ovvjament, fuq il-post tax-xogħol ikollhom ċertu limitazzjonijiet u għalhekk aħna, kemm jista’ jkun, ħa naraw kif nagħmlu l-affarijiet aktar faċli. Għalhekk, għandna nies impjegati li għandhom diżabilità u b’din l-iskema se tgħinna biex persuna per eżempju b’wheelchair, ħa neqilbu bl-electric.”
L-iskema tibqa’ miftuħa s’Awwissu tas-sena elfejn u tlieta u għoxrin.
Aktar dettalji jinsabu fuq is-sit www.businessfirst.com.