Il-ġenituri tat-tletin elf tifel u tifla li nhar l-Erbgħa jibdew is-sena skolastika l-ġdida fl-iskejjel tal-istat, jistgħu jserrħu rashom li f’kull klassi se jkun hemm għalliem, u li suġġetti bħall-mużika u l-arti, mhux se jiġu affettwati minħabba l-ingaġġ tal-għalliema paripatetiċi fil-klassijiet addizzjonali.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Ministru responsabbli mis-settur tat serħan il-moħħ dwar is-sena skolastika ġdida billi spjegat il-pjan u l-istrateġija fil-kuntest tal-pandemija.
Dan minħabba dubji li qed tipprova tqajjem l-Unjin tal-Għalliema li m’hemmx biżżejjed għalliema.
Qalet, “Ilna nippreparaw u nhar l-Erbgħa, it-tfal tagħna se jidħlu fi skejjel li huma preparati skont il-protokolli, ġew assessjati b’mod professjonali u li se jkun hemm l-għalliema kwalifikati li se jkunu qed jagħtu s-sillabu, se jkunu qed jagħtu edukazzjoni kwalitattiva lit-tfal tagħna.”
B’differenza għas-sena li għaddiet, din is-sena, in-numru ta’ klassijiet addizzjonali żdied b’madwar ħamsa u erbgħin, kemm minħabba l-pandemija u anki żieda fir-reġistrazzjonijiet tat-tfal.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu ingaġġati miegħu mal-ħames mitt għalliem parapatetiku.
Minħabba l-klassijiet addizzjonali, kien hemm bżonn ta’ wieħed u tmenin għalliem iktar tal-primarja.
Kien hemm tnejn u għoxrin għalliem paripatetiku li b’mod volontarju riedu li minflok jibqgħu jgħallmu s-suġġett paripatetiku, jingħataw klassi tal-primarja.
L-oħrajn għandhom proċedura maqbula s-sena l-oħra biex jintużaw fil-klassijiet tal-primarja hekk kif diġà huma kkwalifikati li jgħallmu fil-primarja.
Id-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Edukattivi spjega li minkejja li se jintużaw l-għalliema paripatetiċi, is-servizzi għat-tfal mhux se jiġu affettwati.
Qal, “Dawn l-għalliema, minnhom għandna li kienu l-ewwel ingaġġati bħala għalliema tal-primarja, jiġifieri huma kkwalifikati biex jgħallmu fil-primarja, imbagħad matul il-karriera tagħhom qelbu biex jgħallmu suġġett speċifiku jew jagħtu servizz speċifiku. Għandna wkoll faxxa oħra t’għalliema li kienu ingaġġati mill-ewwel biex jgħallmu suġġett partikolari. Bil-proċedura li ħa nħaddmu biex niżguraw li kull klassi jkollha għalliem, se nitolbu numru minn dawn l-għalliema li huma għalliema tal-primarja biex jieħdu klassi.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Frank Fabri qal li t-Tnejn, daħlu fl-iskejjel tal-istat sitt elef edukatur; l-ikbar numru t’għalliema li qatt kellu l-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Huwa saħaq li kull klassi għandha għalliem u l-kwistjoni dwar l-użu tal-għalliema parapatetiċi nqalgħet minkejja li diġà kien hemm ftehim maqbul is-sena li għaddiet.
Il-Ministeru kellu jirreferi għal mezzi legali minħabba dan biex jiżgura li kull klassi jkollha għalliem u s-servizzi paripatetiċi kollha jibqgħu jingħataw.
Qalet, “Il-Gvern għalhekk qiegħed; biex jieħu d-deċiżjonijiet, jagħti l-assigurazzjonijiet u fuq kollox, meta qed ngħidu li l-edukazzjoni hija prijorità, verament nuru kemm hi prijorità.”