Illum ġie stabilit li l-Kelb tal-Kaċċa ta’ Malta jista jiġi rreġistrat u jinħariġlu Ċertifikat tar-Razza (Pedigree). Bħala nizjattiva, ċ-ċertifikati se jkun mingħajr ħlas.
Dan sar possibli wara sensiela ta’ laqgħat bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u l-Maltese National Canine Federation (MNCF), meta ż-żewġ naħat qablu li kellu jittieħed pass ferm importanti, billi tiġi akumulata database ta’ dawn il-klieb bi kriterji stabbiliti biex din ir-razza Maltija tibqa waħda ġenetikament b’saħhita u salvagwardjata u tingħata status uffiċjali.
Aktar kmieni din is-sena, għall-ewwel darba, l-kelb tal-kaċċa ta’ Malta, ġie rikonoxxut bi premju prestiġjuz f’wirja nternazzjonali mtella mill-istess MNCF. Il-MNCF ser tibda taccetta r-razza tal-Kelb Tal-Kaċċa ta’ Malta fil-wirjiet tagħha, ukoll mingħajr ħlas, sabiex tiġi promossa aktar din ir-razza.
L-inizjattiva biex ir-razza tal-kelb tal-kaċċa ta’ Malta ma tintilifx u tingħata rikonoxximent uffiċjali bdiet fl-2010 meta l-FKNK waqfet il-Klabb Klieb tal-Kaċċa ta’ Malta bl’għan aħħari li r-razza unika għall-gżejjer Maltin tkun salvagwardjata.
Is-sena l-oħra, Studju li sar min Dott. James Galea flimkien mall-kirurgu veterinarju Dott. Martin Debattista, liema Studju kien kkummissjonat mill-FKNK, ikkonferma li l-Kelb tal-Kaċċa ta’ Malta hija razza pura w uniku għall-gżejjer ta’ Malta. L-Istudju kien jikkonsisti fl-immappjar ġenetiku ta’ klieb ta’ din ir-razza, kif ukoll bit-teħid tal-qisien morfometriċi sabiex ġie stabbilit l-istandard għall-dawn il-klieb.