Studenti tal-MCAST u impjegati ta’ Enemalta plc qed jgħaqqdu flimkien biċċiet ta’ makkinarju meħud mill-Marsa Power Station biex joħolqu l-akbar installazzjoni artistika permanenti f’Malta, b’tifkira ta’ aktar minn 60 sena ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku fil-Marsa.
Din l-installazzjoni ta’ tliet sulari ser titpoġġa fuq l-Għolja tal-Ġiżwiti, fit-tarf tas-sit tal-Marsa Power Station.
L-installazzjoni ser tagħti tislima lill-ħaddiema li bnew, ħaddmu, rranġaw u żammew fi stat tajjeb it-turbini u l-boilers ta’ dan l-istazzjon sa mill-1953. Is-sena d-dieħla, hekk kif Malta tlesti t-trasformazzjoni lejn taħlita ġdida ta’ sorsi ta’ enerġija bbażata fuq impjanti b’emissjonijiet baxxi jaħdmu bil-gass naturali, il-Malta-Italy Interconnector u sorsi ta’ enerġija li tiġġedded, Enemalta plc ser tkun qed ittemm l-użu tal-Marsa Power Station biex minflok tibda r-riġenerazzjoni ta’ din il-parti tal-Port il-Kbir fil-Marsa.
Aktar kmieni din is-sena, il-Kumpanija stiednet lill-istudenti tal-arti u d-disinn tal-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) biex iżuru l-istazzjon tal-Marsa u joħolqu installazzjoni artistika bl-użu ta’ diversi biċċiet tal-apparat li jinsab fl-istess stazzjon. Taħt il-gwida tal-għalliema tagħhom u bl-appoġġ tekniku tal-periti, l-inġiniera u t-tekniċi ta’ Enemalta, madwar 25 student biddlu l-istazzjon fi spazju ta’ kreattività u arti. Hawnhekk qattgħu sigħat sħaħ jiddisinjaw proposti differenti dwar kif tista’ ssir din l-istruttura ta’ tifkira.
Riċentament, l-istudenti ppreżentaw id-disinji tagħhom lil bord tal-għażla magħmul minn disinjatur u artist rinomat fix-xogħol tal-iskultura fil-ħadid, ħaddiema ta’ Enemalta plc u s-sindku tal-Marsa. F’dawn il-ġimgħat, tim ta’ studenti, għalliema u impjegati ta’ Enemalta qed ikomplu jaħdmu fuq id-disinji magħżula waqt li jħejju l-elementi kollha li se jiffurmaw parti minn dan ix-xogħol artistiku. Eventwalment, l-installazzjoni se tiġi armata fuq il-post maġenb iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku Marsa North. Enemalta għadha kif bniet dan iċ-ċentru biex jieħu post il-ħolqa ewlenija tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, li tinsab fil-Marsa Power Station stess.
Studenti oħrajn mill-Istitut tal-Arti Kreattiva ukoll qed jieħdu sehem f’dan il-proġett. Studenti tad-disinn 3D għenu lil dawk tal-arti biex iħejju l-pjanti u l-immaġġni tal-proposti tagħhom waqt li studenti tal-media qed jiddokumentaw kull stadju tad-disinn u t-twettiq tal-installazzjoni permezz ta’ ritratti u filmati. Studenti tal-performing arts qed iħejju wkoll koreografija li se tiġi ppreżentata waqt l-inawgurazzjoni ta’ din l-istruttura, bħala parti mill-attivitajiet tal-40 anniversarju ta’ Enemalta, fl-2017.