Il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, fi stqarrija għamel referenza għar-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali dwar il-finanzi pubbliċi għas-sena 2015.
Il-Ministeru kkjarfika li apparti l-kummenti espressi mill-management tal-Ministeru u riprodotti fl-istess rapport, il-Ministeru b’rispett sħiħ lejn l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-pubbliku inġenerali, evalwa f’aktar dettall l-oservazzjonijiet li saru dwar spejjeż relatati ma’ żjara uffiċjali li saret f’Dubai bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru 2015.
L-istqarrija tgħid li l-Ministeru ddiskuta internament l-ispiża inkwistjoni u n-nefqa inkorsa fuq konsum minn kamra privata taċ-Chief of Staff fi ħdan l-istess Ministeru u wasal għad-deċizjoni li l-uffiċjal inkwistjoni għandu jirriffondi din l-ispiża.
Il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi qal li jrid jassigura lil kulħadd li l-uffiċjali tiegħu dejjem qdew id-doveri tagħhom, anke barra minn xtutna, bl-aħjar mod possibbli u b’rispett sħiħ lejn il-finanzi pubbliċi.
Fl-istarrija ġie spjegat li l-impenn tal-istess uffiċjali fil-Ministeru, fuq quddiem il-Ministru Cardona huwa rifless fl-ammont ta’ investiment li kien u għadu qed ikun attirat lejn pajjiżna u l-ħolqien ta’ numru bla preċedent ta’ postijiet tax-xogħol ġodda.