Fra John Edward Critien inħatar bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ministru għall-Intern fl-istruttura tal-Gvern fl-Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann.
Il-Gvern stqarr li dan huwa ta’ sodisfazzjon għal Malta li Fra John Edward Critien b’vot deliberattiv ingħata din il-ħatra prestiġjuża.
Fra Critien, li twieled Tas-Sliema, inħatar ukoll Kap tal-Kanċellerija u l-uffiċċji fi ħdanha responsabbli mir-relazzjonijiet mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali, mit-taħditiet ma’ terzi, u mill-implimentazzjoni tal-amministrazzjoni interna tal-Ordni.
John Edward Critien se jkun qed imexxi wkoll il-missjonijiet diplomatiċi tal-Ordni Sovrana fid-dinja.
Il-Gvern awgrua lil Fra Critien għal din il-ħatra importanti u jħares ’il quddiem għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn Malta u l-Ordni.