It-Times of Malta rtirat allegazzjonijiet li għamlet fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi f’artiklu ppubblikat fil-5 t’April.
F’wieħed minn sensiela ta’ artikli b’rabta ma’ Panama Papers, it-Times of Malta kienet irrapportat li “investitur f’kumpanija ta’ Mizzi huwa marbut mal-koruzzjoni.”
Dakinhar Mizzi kien irreaġixxa b’mod immedjat u filwaqt li tenna li din kienet gidba fetaħ proċeduri legali. 23 jum wara t-Times of Malta kellha tammetti li r-rapport tagħha kien żbaljat u fil-faċċatta ppublikat artiklu ta’ korezzjoni fejn qalet li “jiddispjaċiha għall-kull inkonvenjent.”
Meta saru l-allegazzjonijiet Mizzi kien qal b’mod immedjat li m’hemm ebda azzjonijisti ohra, u definittivament m’hemmx investituri fil-kumpanija li la għandha flus u lanqas kontijiet tal-bank.
Mizzi kompla jispjega li kuntrarju ghal dak li ntqal f’dan l-artiklu dak li ħareġ mill-konsorzju internazzjonali tal-ġurnalisti dwar Panama Papers jikkonferma l-fatti li kien ippubblika hu b’mod liberu.