Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, tilef xi ftit il-paċenzja meta fil-Parlament semmewlu lil Daphne Caruana Galizia. Busuttil qiegħed fil-Parlament isegwi d-dibattitu dwar mozzjoni li ressaq Beppe Fenech Adami fuq ruling tal-ispeaker. Hu kien qed isegwi b’attenzjoni sakemm id-deputat Deborah Schembri għamlet referenza għall-attakk fuq iċ-chief of staff tal-Prim Ministru minn dik li ddeskriviet bħala blogger li twassal il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.
Referenza ċara għal Daphne Caruana Galizia. Schembri rreferiet kif fl-aħħar jiem ivvintat stejjer fuq Keith Schembri u hawn dlonk beda jaqbeż Simon Busuttil li mal-mument li ssemmiet Caruana Galizia beda jikkummenta u jgemgem minn taħt l-ilsien. Biex jipprova jaqbeż għal Caruana Galizia beda jgħid: “ara lil Glenn Bedingfield.” It-tweġiba spissa ta’ esponenti tal-PN anke jekk kitbiet Bedingfield fl-ebda ħin ma jistgħu jitqabblu ma’ dawk tal-blogger ta’ Simon Busuttil.
Simon Busuttil aġixxa hekk l-għada li l-gazzetta tiegħu, il-Mument, kompliet tibni fuq storja ta’ Daphne Caruana Galizia li saħansitra qalet li ċ-chief of staff tal-Prim Ministru se jmut.
Il-Mument qalet li l-Prim Ministru ried lil James Piscopo chief of staff, storja li kienet miċħuda bħala fake news.