Il-maratona ġbir ta’ fondi li organizza din is-sena l-Partit Laburista kienet waħda suċċess bis-somma finali taqbeż is-€600,000.
Fil-fatt, sa x’ħin għalqet ix-xandira fuq ONE għal ħabta ta’ nofs il-lejl, is-somma miġbura kienet ta’ €605,893.
In-nies mhux biss ikkonkorrew permezz tad-donazzjonijiet iżda pparteċipaw ukoll billi żaru l-kumpless ONE fejn saret il-maratona din id-darba. Maratona li fissret ukoll xandira televiżiva tal-ogħla kwalità.
F’kummenti waqt l-avveniment, il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser kif il-Partit Laburista japprezza dan l-appoġġ u rringrazzja lill-volontiera li fl-aħħar ġimgħat kienu qed iħabbtu bibien jiġbru d-donazzjonijiet.