Raġel li wara li kellu l-ewwel wild ma fittixx iktar lill-mara tiegħu bl-iskuża li għamel operazzjoni fil-parti privata tiegħu spiċċa ħati ta’ pedofelija. Dan għax filwaqt li lill-mara kien jgħidilha li s-sess mhux kollox, kien qed ifittex żvog f’subien adolexxenti. Din hija waħda mill-istejjer li juru realtajiet iebsa fis-soċejtà Maltija u li ħarġu mill-awli tal-qorti iktar kmieni din il-ġimgħa. Din id-darba f’sentenza ta’ annullament li tefgħet dawl fuq episodji li marru lil hinn mill-erba’ ħitan tad-dar fejn kienet tgħix din il-familja.
Fil-Qorti l-mara rrakkontat kif meta beda jġib ruħu b’mod li fiha ma kien juri ebda interess issuġġerietlu jmur għand it-tabib. Iżda, hu wieġeb billi qal li ma kellux għalfejn u kull darba li lmentat li minkejja li kienu jorqdu fl-istess sodda ma kienx hemm kuntatt fiżiku, kien jgħidilha li qed tgħajru. Dejjem saħaq magħha li dawn l-affarijiet mhumiex kollox u ladarba hu kien joqgħod mingħajr sess kellha toqgħod hi wkoll.
Fl-istess ħin kien jisparixxi għal iljieli sħaħ u ma kienx jaċċetta li martu tistaqsi dwarhom. L-uniku ħaġa li kienet ċerta minnha kienet li jkun xorob. Iżda, daqshekk.
Fil-Qorti, il-mara rrakkontat li għalkemm kien ikun vjolenti meta jirritorna d-dar ma kienx jerfa’ jdejh fuqha. Sakemm darba sabha fuq it- telefown, u billi ħaseb li hi kienet qed tipprova titkixxef fejn kien, qabad il-wajer tat-telefown u dawru ma għonqha. Hi tant beżgħet li qatt ma reġgħet użat it-telefown fil-preżenza tiegħu.
Kien hemm okkażjoni oħra meta reġa’ daħal fis-sakra u sawwat membru tal-familja. Hi kienet marret ghand ommha u l-konvenut neża’ ċ-ċinturin u sawwat lit-tifel bih u għamillu ferita taħt għajnejh.
Għal xi jiem waslet biex it-tifel ma batitux l-iskola. Però anke meta mar l-iskola kien għadu mmarkat u s-surmast intebaħ. Wara li kellimha nformaha li kien b’rispett taghha li ma kienx se jirrapporta l-każ lill-pulizija. Għax hu wkoll intebaħ li l-mara kienet tibża’ mir-raġel.
Maż-żmien bdew ifeġġu episodji oħra li ġiegħlu lil mara titħasseb iktar. Meta t-tifel kien wasal fl-età tal-praċett kien qalilha li missieru qed jaqbadlu d-“duda.” L-omm imħassba iffaċċjat lill-missier u assiguraha li kien qed jigdeb. Iżda, episodju beda jsegwi ieħor.
F’jum ieħor it-tifel kien qed isegwi t-televiżjoni ma’ kuġinuh u meta bidlu l-vidjow deher filmat pornografiku li l-mara ddeskrivietu bħala “tal-waħx u mhux normali.”
Biex tgħaxxaq fl-istess perjodu r-raġel iddeċieda li jieħu jgħix id-dar ġuvnott ta’ 14-il sena, li sakemm ġieha l-kuraġġ u bl-għajnuna ta’ zijuha keċċietu raqad fil-kamra tas-sodda ta’ binha. Raqda li kienet tibda wara li r-raġel u l-ġuvnott kienu joħorġu flimkien.
Meta saħansitra saret taf li dan kien vittma tad-drogi u staqsiet dwar il-biża’ li binha jibda l-vizzju żewġha weġibha u qalilha: “Imbasta tmur il-Knisja u ma tħenn għal ħadd.”
Iżda, ma damitx ma’ bdiet toħroġ il-verità dwar ir-raġel. Darba waħda ċemplulha mid-depot għax kien arrestat. Ħasbet li kien daħal f’xi ġlieda wara li xorob, xi ħaġa li kien jagħmel sikwit, iżda meta ratu l-Qorti qalilha li xi subien xlewh li kien għamel ġugarell tas-sess mal-warrani tagħhom.
Eventwalment irriżulta iktar minn hekk u nstab ħati li kkorompa żewġ minorenni li marru jaħdmu fil-ħanut tiegħu. Saħansitra tilef ukoll is-sentenza tal-appell biex sal-lum għadu wara l-ħitan għolja ta’ Kordin fejn irid jiskonta ħames snin priġunerija.