Grupp ta’tliet żagħżagħ organizzaw lejl ta’divertiment, bl-għan ewlieni jkun li jinġabru flus għal Puttinu Cares. Bit-titlu ta’ Nostalgia Galore, kienu bosta dawk iż-żagħżagħ li xtraw il-biljetti tagħhom biex jisimgħu mużika li kienu jisimgħu meta kienu iżgħar.
Iżda jispikka s-sens ta’ ġenerożita’, hekk kif dawk li attendew għal dan il-lejl ta’ divertiment, xerrdu l-kelma biex għal Puttinu tinġabar somma flus tajba. Dawn iż-żagħżagħ taw is-somma ta’ 5,100 lil Puttinu, biex tkun tista’ tibqa’ tagħti l-għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Fuq is-sit soċjali Facebook, Daniel Farrugia, li kien il-moħħ wara din l-attivita’, stqarr kemm Puttinu Cares għamlet ġid mal-familja tiegħu u li mingħajr ma saqsiet mistoqsijiet, meta kien fil-bżonn fetħet idejha u offritlu l-għajnuna kollha li kellu bżonn. Għal dan il-Milied, Daniel flimkien ma sħabu xtaqu li jroddu lura dak li Puttinu għamlet ma’ dan iż-żagħżugħ, u ddedikaw ħinhom biex dan il-lejl ikun ta’suċċess.
Daniel faħħar lir-Rennie u Angele flimkien mat-tim tagħhom ta’ Puttinu Cares għad-dedikazzjoni tagħhom, u appella biex il-pubbliku ukoll jiftakar f’Puttinu u jagħti d-donazzjonijiet tiegħu.