€55 miljun. Dan l-investiment li se jsir minn Ablecare Oilfield Services Holdings, l-offerent magħżul għall-iżvilupp mill-ġdid tas-sit tal-eks Marsa Shipbuilding.
Pass ieħor lejn dan il-ftehim sar it-Tlieta filgħaxija bi ftehim iffirmat fis-sit tal-Marsa Shipbuilding, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Ftehim li segwa proċess kompettitiv li dam għaddej għal bosta xhur.
Is-sit se jkun utilizzat primarjament biex jispezzjona, jiċċertifika, u jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni u tiswija fuq riggijiet taż-żejt u l-gass; kif ukoll għal akkademja għat-tagħlim tal-ħiliet meħtieġa fis-settur marittimu, f’koperazzjoni ma’ dak ġa offrut minn istituzzjonijiet oħra; ċentru ta’ rispons Mediterranju għat-tniġġis taż-żejt; faċilita ta’ shipbuilding speċjalizzata, u oħrajn.
Sadanittant, Ablecare diġa investa man-nofs miljun ewro biex twettqu testijiet li jassiguraw li s-sit jiflaħ jintuża għall-pjanijiet proposti.
Dan il-proġett għandu numru ta’ vantaġġi, hekk kif bil-pożizzjoni ġeografika tagħha, Malta tinsab fiċ-ċentru t’attività tal-industrija taż-żejt u l-gass fil-Mediterran, u mhux bogħod mill-Oċean Atlantiku u l-Afrika tal-Punent. Dan anke fid-dawl li l-industrija taż-żejt u l-gass mistennija terġa tqum fuq saqajha, u li r-riggijiet jeħtieġu manutenzjoni b’mod regolari.
Barra minn dan, il-proġett intgħażel għaliex joffri l-aqwa użu tal-art u l-faċilitajiet tas-sit tal-eks Marsa Shipbuilding, b’investiment b’potenzjal, u opportunitajiet ta’ impjieg.
Il-proċess beda lura fl-aħħar ta’ Mejju elfejn u tlettax, meta l-Gvern għamel sejħa għall-interess biex dan is-sit jiddawwar f’hub marittimu internazzjonali.
34 investitur ġabru d-dokumenti, u ġew sottomessi 28 espressjoni ta’ interess.
Il-Gvern imbagħad identifika erba’ użi strateġiċi għal dan is-sit, li wasslu għall-sitt proposti ta’ żvilupp.
Fil-15 ta’ Jannar 2015 il-Gvern ħabbar li Ablecare Oilfield Services Group kien intagħżel bħala l-offerent preferut biex jiżviluppa hub reġjonali tal-industrija martittima, taż-żejt u l-gass. Biex f’Settembru il-Gvern iffirma memorandum of understanding mal-istess kumpanija, biex il-Marsa Shipbuilding ikun żviluppat ċentru loġistiku taż-żejt u l-gass.
Dan il-proġett hu mistenni li jagħti ħajja mill-ġdid lil dan is-sit u l-madwar, li għal snin tħallew fi stat t’abbandun. Proġett li jmur id f’id mad-direzzjoni politika ta’ dan il-Gvern, li jirriġenera n-naħa t’isfel ta’ Malta.