Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet waqt il-preżentazzjoni tal-attivitajiet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena fil-gżira Għawdxija.
Il-kumitat organizzattiv ‘Milied f’Għawdex’ ħejja programm vast għal dawn iż-żmenijiet ta’ festi fejn għal sena oħra l-inizjattivi relatati mal-Milied inġabru taħt kappa waħda. B’hekk Għawdex se jiġi reklamat bħala destinazzjoni turistika ewlenija għall-Milied. L-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA) tagħti sostenn qawwi lil din l-inizjattiva ‘Milied f’Għawdex’.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li “dawn huma inizjattivi li jvarjaw fid-daqs u fid-divertiment divers li joffru. Għaldaqstant għandhom il-potenzjal li attwalment jattiraw turisti barranin lejn xtutna, fejn saħansittra jagħżlu lil Malta u ’l Għawdex minflok destinazzjonijiet oħra għaliex propju jkunu ser iseħħu dawn l-avvenimenti li huma reklamati tant tajjeb grazzi għall-ħidma tal-MTA. Dawn l-inizjattivi żgur jixprunaw kwalità ta’ prodott turistiku divers li jattiraw sezzjoni ta’ turisti li jfittxu turiżmu b’xejra kulturali u tradizzjonali”.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo rringrazzja lill-Ministeru għat-Turiżmu u lill-MTA għas-sostenn li dejjem qegħdin jagħtu lil Għawdex. Iż-żewġ Ministeri jaħdmu id f’id għall-ġid ta’ din il-gżira. L-inizjattivi marbuta mal-Milied mifruxin madwar Għawdex jagħtu pubbliċità lil Għawdex f’pajjiżna u lil hinn minnu sabiex il-Maltin u t-turisti barranin jagħżlu lil din il-gżira għal żmien il-Milied. Il-Ministru Refalo tenna li kif diġà ntqal skont statistika uffiċjali tal-Gozo Channel jirriżulta li n-numru ta’ passiġġieri li qassmu bejn il-gżejjer f’Diċembru 2015 kien ta’ 45,000 aktar mis-sena 2014. Dan minbarra l-fatt li n-numru ta’ vetturi kien ta’ 15,000 aktar mis-sena 2014. Dan juri biċ-ċar li l-ħidma li qed issir mill-Ministeru għal Għawdex f’dan ix-xahar tal-Milied qed tħalli l-frott mixtieq.