“Dan il-premju mhuwiex biss ta’ unur u sodisfazzjon kbir għalija, għalija jfisser premju għall-mod ta’ kif irnexxieli negħleb l-ostakli li sibt minħabba d-diżabilitá tiegħi.” Dan kien kliem Matthew Giordmaina li rebaħ il-premju soċjetá ġusta għall-attiviżmu u l-ħidma tiegħu fis-settur turistiku, bl-għan li dan is-settur ikun aktar aċċessibbli.
Matthew spjega li fost dawn l-ostakli, qed jaffaċċja problemi fil-vista tiegħu, hekk kif l-ebda djanjosi medika ma tista’ ssir fuq għajnejh. Iżda jispikka l-kuraġġ taż-żagħżugħ li stqarr li din id-diżabilitá qed itih il-kuraġġ li jisfida r-realtá li jgħix ta’ kuljum biex iwettaq aktar proġetti li jirrigwardjaw l-aċċessibilitá u t-turiżmu, Matthew fisser li “dan għadu biss il-bidu tal-proġetti, għandi ferm aktar pjanijiet se nkun qed naħdem bla heda biex inwettaq.”
Giordmaina stqarr li minkejja li pajjiżna għamel avvanzi f’dik li hija aċċessibilitá, jemmen li għad hemm ħafna xi jsir, speċjalment fejn tidħol il-mentalitá tal-poplu. “Għad hawn nies li ma jistgħux jifhmu li n-nuqqas ta’ aċċessibilitá xi kultant tinħoloq min-nies stess, eżempju meta jkollok arblu f’nofs bankina wiesgħa jew inkellha jkollok zebra crossing f’telgħa.” Matthew jemmen bi sħiħ li b’iktar attenzjoni għad-dettal, f’dak li huwa ppjanar il-pajjiż jista’ jkun aktar aċċessibli.
Fil-kummenti tiegħu ma’ ONE.COM.MT, Matthew qal li l-aċċessibilitá ma tieqafx hemm u li wieħed għandu jżomm f’moħħu li hawn diżabiltajiet oħra li jirrikjedu forom differenti ta’ aċċessibilitá, eżempju għal dawk li għandhom problemi ta’ smigħ jew huma għomja. Għal dawn il-persuni jeħtieġ li jintuża’ apparat differenti biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja normali. Ir-rebbieħ ta’ dan il-premju studja dwar il-bżonnijiet differenti ta’ persuni b’diżabilitá matul l-istudji tiegħu għall-gwida. “F’Malta imxejna ħafna ‘l quddiem f’dan is-settur, peró nemmen li għad baqa ħafna aktar x’jista’ jsir” qal Matthew.
Minkejja d-diżabilitá tiegħu Matthew għadu kemm gradwa, gradwazzjoni li għalih tfisser ħafna. Huwa esprima s-sodisfazzjoni tiegħu, għaliex permezz tal-istudji tiegħu skopra sa fejn jista’ jasal u għamel il-kuraġġ biex ikompli jwettaq il-ħolm tiegħu. “Matul il-kors kelli għajnuna kbira minn sħabi tal-klassi, konna grupp magħqud ħafna u ħriġna l-abiltajiet differenti ta’ kull persuna fil-klassi. Din għenet mhux biss lili bħala persuna b’diżabilitá imma anke lill-kumplament tal-klassi għaliex emmina li kulħadd għandu s-settur li jibrilla l-aktar fih” spjega Matthew. Ir-rebbieħ ta’ dan il-premju ma kellux ħlief kliem ta’ ringrazzjament għall-istaff tal-ITS, fejn sab l-għajnuna li kellu bżonn biex ikompli l-istudji tiegħu minkejja l-problemi li kellhu bil-vista.
Matthew kellu appell għall-persuni b’diżabilitá oħra: “Wieħed m’għandux biss joħlom li jagħmel xi ħaġa, iżda għandu jiprova u ma joqgħodx lura. Jekk ma jirnexxilekx ma tkunx waqgħet id-dinja għax b’hekk mhux biss tkun tista’ ssib il-limitazzjonijiet tiegħek iżda ssib dak is-settur li ideali għalik. Jekk ma tipprovax, ma tasal qatt.” Dan iż-żagħżugħ appella biex ħadd ma jaqta’ qalbu minkejja d-diffikultajiet għaliex fil-ħajja m’hemmx biss in-negattiv u wieħed dejjem jista’ jitgħallem mill-esperjenzi li wieħed jgħaddi minnhom.