Tliet deputati tal-gvern ressqu mozzjoni privata fil-parlament biex tinżel għal sittax –il sena l-età tal-kunsens mediku.
It-tabib Godfrey Farrugia, li hu l-whip tal-grupp parlamentari u d-deputati Deo Debattista u Anthony Agius Decelis preżentaw il-mozzjoni lill-iskrivan tal-kamra biex issa tkun diskussa fil-parlament.
Kien waqt ONE NEWS Breakfast tat-Tlieta filgħodu li Farrugia żvela l-ħsieb wara din il-mozzjoni.
It-tabib Farrugia qal li din hija bidla mixtieqa wkoll mill-professjonisti, li mhux darba u tnejn ikollhom quddiemhom pazjenti f’din l-età. Emfasizza kif bħalissa diġa’ jeżistu ċerti eċċezzjonijiet u issa din għandha ssir ir-regola.
Barra minn hekk, stqarr li jeżistu wkoll liġijiet f’pajjiżna li jirikonoxxu l-kapaċita li żagħżugħ ta’ din l-eta janalizza r-riskji u jieħu deċiżjoni f’ħajtu bħall-att dwar is-saħħa mentali u dak dwar id-donazzjoni tal-organi.