Il-Ministru Chris Cardona qal fil-parlament li sid ta’ ħanut fis-Swieqi li qal lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex ma jkomplix ikun daqstant nnegattiv meta jitkellem dwsar l-ekonomija, spiċċa b’abbuż meta sarulu għadd ta’ spezzjonijiet.
Meta kien qed jagħlaq id-diskussjoni fit-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li Jikkordina l-Ispezzjonijiet tal-Gvern, il-Ministru Cardona qal li għad jiġi l-mument opportun li huwa jagħti aktar informazzjoni dwar x’ġara u ma ġarax u x’azzjoni se jieħdu.
Il-Kap tal-oppożizzjoni kien żar dan il-ħanut biex jispjega dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista fir-rigward tas-sidien tal-ħwienet u industriji żgħar.
Dr Cardona qal li l-għada, “din il-persuna ibbumbardjawha u bdew ġejjin l-inspections minn kullimkien qishom dubbien”. Huwa qal li dan huwa abbuż. Permezz ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, affarijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu għax dik hija politika tal-faxxiżmu, tad-dittatorjat.
Jekk m’intix magħna, ibgħatlu l-ispetturi ta’ kull xorta: VAT, taxxa, saħħa, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kummerċ, dipartiment tat-trade. “Faqqgħalu kemm tiflaħ ħa teqirdu!” Fil-ġejjieni, spezzjonijiet bħal dawn isiru b’mod responsabbli.
Dr Cardona qalli dawn l-ispetturi kienu jaġixxu barra minn xogħolhom għax kienu inkarigati biex jagħmlu tip ta’ inspection meta fil-fatt għamlu inspection oħra. L-investigazzjoni għadha għaddejja biex isir magħruf minn huma dawn in-nies u x’inhu l-involviment tagħhom fil-Partit Nazzjonalista.