Wara li l-Gvern mhux talli aċċetta, iżda talab hu lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dawn il-kuntratti dwar l-investiment fil-qasam tas-Saħħa, l-Oppożizzjoni reġgħet qed iċċaqlaq il-lasti. L-Oppożizzjoni l-ewwel riedet lill-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa biex jiddiskuti dawn il-kuntratti, liema talba ġiet aċċettata. Imbagħad l-Oppożizzjoni rikbet il-karru tal-MAM u l-UĦM u talbet li ssir l-investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali.
Fi stqarrija, l-Partit Laburista spjega li ladarba l-Gvern talab hu stess li jmur għand l-Awditur Ġenerali b’dawn il-kuntratti, l-Oppożizzjoni reġgħet bidlet id-diska u trid tagħmel xi ħaġa li qatt ma saret qabel, jiġifieri jiġu diskussi l-kuntratti qabel l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali.
Il-Partit Laburista qal li din hija konferma kemm l-Oppożizzjoni moħħha biss biex tilgħab logħob partiġġjan.
B’differenza mill-kuntratti li kienu jiġu miftehma mill-amministrazzjoni preċedenti u li qatt ma kienu jiġu ppublikati, dan il-Gvern diġa ppublika d-dettalji dwar is-sħubija strateġika ma’ Vitals Global Healthcare għal servizz tas-saħħa ta’ livell dinji u bla ħlas għall-benefiċċju tal-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Dawn il-kuntratti sħaħ issa se jgħaddu għand l-Awditur Ġenerali għall-iskrutinju tiegħu. Il-kumitat għax-xogħol tal-Kamra se jkun ukoll qed jiddiskuti l-mozzjoni tad-deputat Marlene Farrugia biex din il-materja tiġi diskussa f’sessjoni plenarja.
Il-Partit Laburista fisser kif l-Oppożizzjoni ma tridx tifhem li dawn il-kuntratti jfissru biss bidla pożittiva minn sitwazzjoni ta’ sptar iżgħar minn ta’ qablu, stennija esaġerata u pazjenti fil-kuruduri għal sitwazzjoni ta’ tliet sptarijiet ġodda u moderni, aktar effiċjenza fl-operazzjonijiet u dinjità assigurata għal pazjenti.
L-istqarrija qalet li jbeżża’ kemm ibeżża’, il-Kap tal-Oppożizzjoni m’hu se jsib assolutament xejn ħlief suċċess f’dawn il-kuntratti u li l-Oppożizzjoni ma tiflaħx jara l-qasam tas-saħħa jimxi ‘l quddiem għax irid ireġġa’ l-arloġġ lura għal kif ħallieh hu meta kien parti integrali mill-Gvern preċedenti.