Din il-ġimgħa l-Europol wissew li militanti mill-Istat Iżlamiku se jkunu aktar ħarxa fl-attakki tagħhom madwar l-Ewropa, hekk kif qed jiżdiedu l-isforzi biex jinqerdu fil-Lvant Nofsani.
It-tattiċi tagħhom jaf jinkludu karozzi-bomba, ħtif ta’ persuni u theddid. Madanakollu l-Europol ma enfasizzawx daqstant fuq attakki fuq binjiet ta’ importanza massima – bħal ngħidu aħna siti nukleari. Qalu biss li bħalissa l-IS qed jippreferu miri li jistgħu jilħqu ferm iktar malajr. Tant hu hekk li Jan Op Gen Oorth mill-Europol tkellem dwar “soft targets” waqt il-programm Pjazza.
Fis-silta t’hawn tista’ tisma wkoll intervent mal-ispettur u kap tat-taqsima tal-forensika Charlo Casha dwar l-identifikazzjoni ta’ vittmi f’ċirkostanzi sfortunati, bħal ngħidu aħna attakki terroristiċi, tiġrif ta’ ajruplani, u ċirkostanti straordinarji oħra. Din il-ġimgħa tħabbar it-twaqqif ta’ unit speċjali li se jkun qed jispeċjalizza fl-identifikazzjoni ta’ vittmi.